L.S. 601.05 · Taqsima VII · Għażla ta’ Parteċipanti u Għoti ta’ Kuntratti
Regolament 172. Rapporti individwali dwar proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti
Kriterji tal-Għażla
(1) Dan ir-regolament għandu japplika għal kull kuntratt jew ftehim qafas koperti b’dawn ir-regolamenti, u għal kull darba li sistema dinamika ta’ xiri, meta l-valur stmat ta’ dawn il-proċeduri jaqa’ taħt is-subregolament 30(1)(b).
(2) L-entitajiet kontraenti għandhom iżommu l-informazzjoni adatta dwar kull kuntratt jew ftehim qafas kopert b’dawn ir-regolamenti u kull darba li tiġi stabbilita sistema dinamika ta’ xiri. Din l-informazzjoni għandha tkun biżżejjed sabiex tagħtihom il-possibilità li aktar tard jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda marbutin ma’:
(a) il-kwalifika u l-għażla tal-operaturi ekonomiċi u l-għoti ta’ kuntratti;
(b) l-użu ta’ proċeduri negozjati mingħajr sejħa għal kompetizzjoni permezz tar-regolamenti 124 sa 128;
(ċ) in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regolamenti 14, 34, 39 sa 42, 56 sa 59, 63 sa 69, 69, 71 sa 78, 82 sa 85, 92, 143 sa 150, 154 sa 171 u 174 sa 180 permezz tad-derogi previsti f’dawn ir-regolamenti;
(d) fejn meħtieġ, ir-raġunijiet li għalihom intużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni għajr mezzi elettroniċi għall-preżentazzjoni elettronika.
(3) Sakemm l-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt imfassal f’konfomità mar-regolamenti 65 jew 136 ikun fih l-informazzjoni mitluba f’dan ir-regolament, l-entitajiet kontraenti jistgħu jirreferu għal dak l-avviż.
(4) L-entitajiet kontraenti għandhom jiddokumentaw il-progress tal-proċeduri tal-akkwist kollha, kemm jekk il-proċeduri jsiru b’mezzi elettroniċi kif ukoll jekk ma jsirux hekk. Għal dak il-għan, huma għandhom jiżguraw li jżommu dokumentazzjoni biżżejjed biex jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda fl-istadji kollha tal-proċedura tal-akkwist, bħad-dokumentazzjoni dwar il-komunikazzjoni ma’ operaturi ekonomiċi u deliberazzjonijiet interni, it-tħejjija tad-dokumenti tal-akkwist, id-djalogu jew in-negozjati jekk ikun hemm, l-għażla u l-għoti tal-kuntratt. Id-dokumentazzjoni għandha tinżamm minn tal-inqas għal tliet snin mid-data tal-għoti tal-kuntratt.
(5) Ir-rapport, jew l-elementi ewlenin tiegħu, għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti, il-korpi jew l-istrutturi fejn dawn jitolbu li jsir hekk.
Referenzi
Dan ir-regolament jirreferi għal
Regolament ta’ qabel
171 — Spejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja
Regolament li jmiss
173 — L-infurmar lill-applikanti għall-kwalifika, kandidati u offerenti
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.