Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.05 · Taqsima I · Dispożizzjonijiet Ġenerali

Regolament 77. Tikketti

Limitu ta’ Żmien u Speċifikazzjonijiet Tekniċi

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 1 ta’ Jannar 2024. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) Fejn entitajiet kontraenti jkollhom l-intenzjoni jixtru xogħlijiet, provvisti jew servizzi b’karatteristiċi speċifiċi ambjentali, soċjali jew oħrajn huma jistgħu, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fil-kriterji tal-għoti tal-kuntratt jew fil-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt, jitolbu tikketta speċifika bħala mezz ta’ prova li x-xogħlijiet, is-servizzi jew il-provvisti jikkorrispondu għall-karatteristiċi meħtieġa, dment li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a) ir-rekwiżiti tat-tikketta jikkonċernaw biss kriterji li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt u huma adegwati sabiex jiddefinixxu l-karatteristiċi tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt;

(b) ir-rekwiżiti tat-tikketta huma bbażati fuq kriterji oġġettivi verifikabbli u mhux diskriminatorji;

(ċ) it-tikketti huma stabbiliti fi proċedura miftuħa u trasparenti li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-korpi pubbliċi, il-konsumaturi, is-sħab soċjali, il-manifatturi, id-distributuri u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

(d) it-tikketti huma aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha;

(e) ir-rekwiżiti tat-tikketta huma stipulati minn parti terza li fuqha l-operatur ekonomiku li jkun qed japplika għat-tikketta ma jistax jeżerċita influwenza deċiżiva.

(2) Fejn l-entitajiet kontraenti ma jeħtiġux li x-xogħlijiet, provvisti jew servizzi jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tat-tikketta, huma għandhom jindikaw ir-rekwiżiti tat-tikketta li qed issir referenza għalihom.

(3) L-entitajiet kontraenti li jirrikjedu tikketta speċifika għandhom jaċċettaw it-tikketti kollha li jikkonfermaw li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jissodisfaw rekwiżiti tat-tikketta ekwivalenti.

(4) Fejn operatur ekonomiku jkun wera li ma għandux il-possibbiltà li jikseb it-tikketta speċifika indikata mill-entità kontraenti jew tikketta ekwivalenti fil-limiti taż-żmien rilevanti għal raġunijiet li mhumiex attribwibbli lil dak l-operatur ekonomiku, l-entità kontraenti għandha taċċetta mezzi adatti oħrajn ta’ prova, li jistgħu jinkludu dossier tekniku mill-manifattur, dment li l-operatur ekonomiku konċernat jagħti prova li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li huwa għandu jipprovdi jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tikketta speċifika jew ir-rekwiżiti speċifiċi indikati mill-entità kontraenti.

(5) Fejn tikketta tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fis-subregolament (1)(b), (ċ), (d) u (e) iżda tistabbilixxi wkoll rekwiżiti mhux marbutin mas-suġġett tal-kuntratt, l-entitajiet kontraenti ma għandhomx jesiġu t-tikketta bħala tali iżda jistgħu jiddefinixxu l-ispeċifikazzjoni teknika b’referenza għal dawk tal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati ta’ dik it-tikketta, jew inkella, fejn dan ikun neċessarju, partijiet minnha li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt u li jkunu adatti sabiex jiddefinixxu l-karatteristiċi ta’ dan is-suġġett.

Referenzi

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.