L.S. 601.05 · Taqsima I · Dispożizzjonijiet Ġenerali
Regolament 76. Speċifikazzjonijiet tekniċi
Limitu ta’ Żmien u Speċifikazzjonijiet Tekniċi
(1) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti ir-regolament 2 għandhom jiġu stabbiliti fid-dokumenti tal-akkwist. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistabbilixxu l-karatteristiċi meħtieġa ta’ xogħlijiet, servizz jew provvista.
(2) Dawk il-karatteristiċi jistgħu jirreferu wkoll għall-proċess jew metodu speċifiku tal-produzzjoni jew il-provvista tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi mitluba jew għall-proċess speċifiku għal stadju ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wkoll fejn dawn il-fatturi ma jiffurmawx parti mis-sustanza materjali tagħhom, dment li huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt u proporzjonali għall-valur u l-objettivi tiegħu.
(3) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jistgħu jispeċifikaw ukoll jekk hux ser ikun meħtieġ it-trasferiment tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
(4) Għall-akkwisti kollha li huma maħsubin għall-użu minn persuni fiżiċi, kemm jekk il-pubbliku ġenerali kif ukoll jekk il-persunal tal-entità kontraenti, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, minbarra f’każijiet debitament ġustifikati, għandhom jitfasslu b’mod li jieħdu kont tal-kriterji ta’ aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà jew ta’ disinn għall-utenti kollha.
(5) Fejn ir-rekwiżiti obbligatorji ta’ aċċessibbiltà huma adottati permezz ta’ att legali tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom, sa fejn ikunu kkonċernati l-kriterji ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabbiltà jew ta’ disinn għall-utenti kollha, jiġu definiti b’referenza għalihom.
(6) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali lill-operaturi ekonomiċi għall-proċedura tal-akkwist u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu xkiel mingħajr ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-akkwist pubbliku għal kompetizzjoni.
(7) Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:
(a) f’termini tar-rekwiżiti ta’ twettiq jew funzjonali, inklużi l-karatteristiċi ambjentali, dejjem jekk il-parametri jkunu preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-offerenti jiddeterminaw is-suġġett tal-kuntratt u l-entitajiet kontraenti jitħallew jagħtu l-kuntratt;
(b) permezz ta’ referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, fl-ordni ta’ preferenza, għall-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards Ewropej, il-Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-istandards internazzjonali, sistemi ta’ referenzi tekniċi oħrajn stabbiliti mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew - fejn xi waħda minn dawk ma teżistix - l-istandards nazzjonali, l-approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mad-disinn, il-kalkolu u t-twettiq ta’ xogħlijiet u l-użu tal-provvisti; kull referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem "jew ekwivalenti";
(ċ) f’termini ta’ rekwiżiti ta’ twettiq jew funzjonali msemmija fil-paragrafu (a), b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu (b) bħala mezz ta’ suppożizzjoni ta’ konformità ma’ tali rekwiżiti ta’ twettiq jew funzjonali;
(d) permezz ta’ referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu (b) għal ċerti karatteristiċi, u permezz ta’ referenza għar-rekwiżiti ta’ twettiq jew funzjonali msemmija fil-paragrafu (a) għal karatteristiċi oħrajn.
(8) Sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifika, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal marki kummerċjali, privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Din ir-referenza għandha tkun permessa, fuq bażi eċċezzjonali, fejn ma tkunx possibbli deskrizzjoni preċiża u intelliġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont is-subregolament (7). Din ir-referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem "jew ekwivalenti".
(9) Fejn entità kontraenti tuża l-għażla li tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fis-subregolament (7)(b), ma għandhiex tiċħad offerta minħabba r-raġuni li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li għalihom ġiet ippreżentata l-offerta ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li hi rreferiet għalihom, ladarba l-offerent jagħti prova fl-offerta tiegħu bi kwalunkwe mezz adatt, inkluż il-mezz ta’ prova msemmi fir-regolament 78 li s-soluzzjonijiet proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’mod ekwivalenti.
(10) Fejn entità kontraenti tuża l-għażla prevista fis-subregolament (7)(a) li tifformula speċifikazzjonijiet tekniċi f’termini ta’ rekwiżiti ta’ twettiq jew funzjonali, ma għandhiex tiċħad offerta għal provvisti, servizzi jew xogħlijiet li jikkonformaw ma’ standard nazzjonali li jittrasponi standard Ewropew, ma’ approvazzjoni teknika Ewropea, speċifikazzjoni teknika komuni, standard internazzjonali jew sistema ta’ referenza teknika stabbilita minn korp ta’ standardizzazzjoni Ewropew, fejn dawk l-ispeċifikazzjonijiet jindirizzaw ir-rekwiżiti ta’ twettiq jew funzjonali li hi tkun stabbilixxiet.
(11) Fl-offerta tiegħu, l-offerent għandu juri bi kwalunkwe mezz adatt, inklużi dawk imsemmija fir-regolament 78, li l-provvisti, is-servizz jew ix-xogħol konformi mal-istandard jilħqu r-rekwiżiti ta’ twettiq jew funzjonali tal-entità kontraenti.
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.