L.S. 601.05 · Taqsima IV · Tipi ta’ Proċeduri ta’ Akkwist
Regolament 125. Kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi
Proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel
Il-proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel tista’ tintuża għal kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi fil-każijiet li ġejjin:
(a) fejn l-ebda offerta jew l-ebda offerta xierqa jew l-ebda talba għal parteċipazzjoni jew l-ebda talba adatta għall-parteċipazzjoni ma ġiet sottomessa bi tweġiba għal proċedura b’sejħa għal kompetizzjoni minn qabel, dejjem jekk il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt mhumiex sostanzjalment modifikati;
(b) meta kuntratt ikun purament għall-fini ta’ riċerka, esperiment, studju jew żvilupp, u mhux għall-fini li jiġi assigurat profitt jew bl-iskop ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp, u sa fejn l-għoti ta’ tali kuntratt ma jippreġudikax l-għoti b’mod kompetittiv ta’ kuntratti sussegwenti li, b’mod partikolari, ikollhom dawk l-iskopijiet;
(ċ) fejn ix-xogħlijiet jistgħu jiġu forniti biss minn operatur ekonomiku partikolari minħabba waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(i) l-għan tal-akkwist huwa l-ħolqien jew l-akkwist ta’ xogħol artistiku uniku jew ta’ rappreżentazzjoni artistika unika;
(ii) hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni minħabba raġunijiet tekniċi;
(iii) il-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali: Iżda l-eċċezzjonijiet stipulati fis-subparagrafi (ii) u (iii) għandhom japplikaw biss meta ma teżistix alternattiva jew sostitut raġonevoli u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni mhijiex ir-riżultat ta’ limitazzjonijiet artifiċjali fil-parametri tal-akkwist;
(d) sa fejn huwa strettament neċessarju fejn, għal raġunijiet ta’ urġenza estrema kkawżata minn avvenimenti mhux prevedibbli mill-entità kontraenti, ma jistax ikun hemm konformità mal-limiti ta’ żmien stabbiliti għal proċeduri miftuħa, proċeduri ristretti u proċeduri negozjati b’sejħa għal kompetizzjoni minn qabel. Iċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikaw l-urġenza kbira qatt ma għandhom ikunu attribwibbli lill-entità kontraenti;
(e) għal xogħlijiet ġodda li jikkonsistu mir-repetizzjoni ta’ xogħlijiet simili assenjati lill-kuntrattur li l-istess entitajiet kontraenti tawh kuntratt preċedenti, dejjem jekk dawn ix-xogħlijiet jew servizzi jikkonformaw ma’ proġett bażiku li għalih ingħata l-ewwel kuntratt skont proċedura b’mod provdut taħt dawn ir-regolamenti: Iżda l-proġett bażiku għandu jindika sa liema punt jistgħu jaslu x-xogħlijiet jew is-servizzi addizzjonali possibbli u l-kundizzjonijiet li fihom ser jingħataw. Hekk kif l-ewwel proġett jinħareġ għall-offerti, l-użu possibbli ta’ din il-proċedura għandu jiġi divulgat u l-entitajiet kontraenti għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni l-istima tal-ispiża totali tax-xogħlijiet jew is-servizzi sussegwenti meta japplikaw r-regolamenti 30, 42 u l-Iskeda 5;
Referenzi
Skedi li jirreferi għalihom
Regolament ta’ qabel
124 — Użu tal-proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel
Regolament li jmiss
126 — Kuntratti ta’ servizz pubbliku
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.