Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.05 · Taqsima I · Dispożizzjonijiet Ġenerali

Regolament 42. Akkwist li jinvolvi entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti

Attivitajiet ta’ Xiri Ċentralizzati u Akkwist Konġunt

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 1 ta’ Jannar 2024. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) L-entità kontraenti tista’, bl-approvazzjoni tad-Direttur u bla ħsara għall-kundizzjonijiet li d-Direttur jista’ jimponi, tipparteċipa f’proċeduri ta’ akkwist li jinvolvu awtoritajiet kontraenti minn Stati Membri differenti.

(2) Meta l-valur stmat tal-akkwist konġunt jaqa’ taħt il-limitu stabbilit taħt ir-regolament 30(1)(b), l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għandu jkun mingħajr ħsara għal dak stabbilit taħt ir-regolamenti 25 u 35(n).

(3) L-entità kontraenti tista’ tagħmel użu minn attivitajiet ta’ xiri ċentralizzati offruti minn korpi ta’ xiri ċentrali li tkun tinsab fi Stat Membru ieħor: Iżda entitajiet kontraenti ma għandhomx jużaw il-mezzi previsti f’dan ir-regolament għall-fini li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji tad-dritt pubbliku f’konformità mad-dritt tal-Unjoni li huma soġġetti għalih fl-Istat Membru tagħhom.

(4) Il-forniment ta’ attivitajiet ta’ xiri ċentralizzati minn korp ċentrali ta’ xiri li jinsab fi Stat Membru ieħor għandu jitwettaq skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsab il-korp ċentrali ta’ xiri.

(5) Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsab il-korp ċentrali ta’ xiri għandhom japplikaw ukoll għal li ġej:

(a) l-għoti ta’ kuntratt taħt is-sistema dinamika ta’ xiri;

(b) it-twettiq ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ kompetizzjoni taħt il-ftehim qafas.

(6) Diversi entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti jistgħu b’mod konġunt jagħtu kuntratt pubbliku, jikkonkludu ftehim qafas jew joperaw sistema dinamika ta’ xiri.

(7) Sakemm l-elementi neċessarji ma jkunux regolati bi ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri konċernati, entitajiet kontraenti parteċipanti għandhom jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi:

(a) ir-responsabbiltajiet tal-partijiet u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli relevanti;

(b) l-organizzazzjoni interna tal-proċedura ta’ akkwist, inkluż l-immanniġġar tal-proċedura, id-distribuzzjoni tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi akkwistati, u l-konklużjoni ta’ kuntratt

(8) L-entità kontraenti parteċipanti tissodisfa l-obbligi tagħha skont dawn ir-regolamenti meta tixtri xogħlijiet, provvisti jew servizzi minn entità kontraenti responsabbli mill-proċedura ta’ akkwist.

(9) Meta jiġu determinati r-responsabbiltajiet u l-liġi nazzjonali applikabbli kif imsemmija fis-subregolament (7)(a), l-entitajiet kontraenti parteċipanti jistgħu jallokaw responsabbiltajiet speċifiċi bejniethom u jiddeterminaw id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

(10) L-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet u l-liġi nazzjonali applikabbli għandhom jissemmew fid-dokumenti tal-akkwist għal kuntratti mogħtija b’mod konġunt.

(11) Fejn diversi entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti waqqfu entità legali konġunta, inklużi r-Raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali jew entitajiet oħra stabbiliti skont id-dritt tal-Unjoni, permezz ta’ deċiżjoni tal-korp kompetenti tal-entità konġunta, l-entitajiet kontraenti parteċipanti għandhom jaqblu dwar ir-regoli tal-akkwist nazzjonali applikabbli ta’ wieħed mill-Istati Membri li ġejjin:

(a) id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-entità konġunta għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha;

(b) id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-entità konġunta qed twettaq l-attivitajiet tagħha.

(12) Il-ftehim imsemmi fis-subregolament (11) jista’ jew japplika għal perjodu indeterminat, fejn dan ikun stabbilit fl-att kostituttiv tal-entità konġunta, jew jista’ jiġi limitat għal ċertu perjodu ta’ żmien, għal ċerti tipi ta’ kuntratti jew għal għotja ta’ kuntratt individwali waħda jew aktar.

Referenzi

Dan ir-regolament jirreferi għal

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.