L.S. 601.05 · Taqsima V · Aggregazzjoni ta’ Akkwist
Regolament 150. Obbligi tal-awtoritajiet kontraenti
(1) Għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratti taħt sistema dinamika ta’ xiri, l-entitajiet kontraenti għandhom:
(a) jippubblikaw sejħa għal kompetizzjoni billi jagħmluha ċara li hemm sistema dinamika ta’ xiri involuta;
(b) jindikaw fid-dokumenti ta’ akkwist, mill-inqas in-natura u l-kwantità stmata tax-xiri previst, kif ukoll l-informazzjoni kollha meħtieġa li tikkonċerna s-sistema dinamika ta’ xiri inklużi kif joperaw is-sistema dinamika ta’ xiri, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ konnessjonijiet tekniċi;
(ċ) jindikaw kwalunkwe diviżjoni f’kategoriji ta’ prodotti, xogħlijiet jew servizzi u l-karatteristiċi li jiddefinixxuhom;
(d) joffru aċċess mingħajr restrizzjonijiet, sħiħ u dirett, sakemm is-sistema tkun valida, għad-dokumenti tal-akkwist f’konformità mar-regolament 72.
(2) L-entitajiet kontraenti għandhom jagħtu lil kwalunkwe operatur ekonomiku, matul il-perjodu kollu ta’ validità tas-sistema dinamika ta’ xiri, il-possibilità li jagħmlu talba sabiex jipparteċipaw fis-sistema taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fir-regolament 148.
(3) L-entitajiet kontraenti għandhom jiffinalizzaw l-evalwazzjoni tagħhom ta’ talbiet taħt is-subregolment (2) skont il-kriterji tal-għażla fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol wara r-riċevuta tagħhom.
(4) Dik l-iskadenza fis-subregolament (3) tista’ tiġi estiża għal ħmistax-il jum ta’ xogħol f’każijiet individwali meta jkun iġġustifikat, b’mod partikolari minħabba l-ħtieġa li tiġi eżaminata dokumentazzjoni addizzjonali jew b’xi mod ieħor issir verifika dwar jekk il-kriterji tal-għażla ġewx issodisfati.
(5) Minkejja s-subregolamenti (2), (3) u (4), sakemm ma tkunx intbagħatet l-istedina għall-offerti għall-ewwel akkwist speċifiku taħt is-sistema dinamika ta’ xiri, l-entitajiet kontraenti jistgħu jestendu l-perjodu ta’ evalwazzjoni sakemm ma tkun ħarġet l-ebda stedina għall-offerti matul il-perjodu estiż ta’ evalwazzjoni. L-entitajiet kontraenti għandhom jindikaw fid-dokumenti tal-akkwist it-tul tal-perjodu estiż li huma bi ħsiebhom japplikaw.
(6) L-entitajiet kontraenti għandhom jgħarrfu lill-operatur ekonomiku kkonċernat malajr kemm jista’ jkun dwar jekk ġiex ammess fis-sistema dinamika ta’ xiri jew le.
(7) L-entitajiet kontraenti għandhom jistiednu lill-parteċipanti ammessi kollha sabiex jippreżentaw offerta għal kull akkwist speċifiku taħt is-sistema dinamika ta’ xiri, f’konformità mar-ir-regolament 73. Fejn is-sistema dinamika ta’ xiri tkun ġiet diviża f’kategoriji ta’ xogħlijiet, prodotti jew servizzi, l-entitajiet kontraenti għandhom jistiednu lill-parteċipanti kollha li jkunu ġew ammessi fil-kategorija li tikkorrispondi għall-akkwist speċifiku kkonċernat sabiex jippreżentaw offerta.
(8) Huma jagħtu l-kuntratt lill-offerent li ppreżenta l-aqwa offerta fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt għas-sistema dinamika ta’ xiri jew, fejn il-mezz għas-sejħa għal kompetizzjoni huwa avviż dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifiki, fl-istedina għall-offerti. Fejn adatt, dawn il-kriterji jistgħu jiġu fformulati bi preċiżjoni akbar fl-istedina għall-offerti.
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.