L.S. 601.05 · Taqsima I · Dispożizzjonijiet Ġenerali
Regolament 74. Katalogi elettroniċi
Komunikazzjonijiet
(1) Fejn ikun meħtieġ l-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ kumunikazzjoni, l-entitajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-offerti jiġu ppreżentati fil-format ta’ katalogu elettroniku jew jinkludu katalogu elettroniku.
(2) L-offerti ppreżentati fil-forma ta’ katalogu elettroniku jistgħu jkunu akkumpanjati minn dokumenti oħra, li jikkompletaw l-offerta.
(3) Il-katalogi elettroniċi għandhom jiġu stabbiliti mill-kandidati jew mill-offerenti bil-ħsieb li jipparteċipaw fi proċedura tal-akkwist partikolari skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-format stabbiliti mill-entità kontraenti.
(4) Il-katalogi elettroniċi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-għodod ta’ komunikazzjoni elettronika kif ukoll ma’ kwalunkwe rekwiżit addizzjonali stabbilit mill-entità kontraenti f’konformità mar-regolament 70.
(5) Fejn il-preżentazzjoni ta’ offerti fil-forma ta’ katalogi elettroniċi hija aċċettata jew meħtieġa, l-entitajiet kontraenti għandhom:
(a) jiddikjaraw dan fl-avviż ta’ kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess, jew, fejn il-mezz ta’ sejħa għal kompetizzjoni jkun avviż dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifiki, fl-istedina għall-offerti jew għan-negozjar;
(b) jindikaw fid-dokumenti tal-akkwist l-informazzjoni kollha meħtieġa f’konformità mar-regolament 70(12) rigward il-format, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ konnessjonijiet tekniċi għall-katalogu.
(6) Fejn ġie konkluż ftehim qafas ma’ aktar minn operatur ekonomiku wieħed wara l-preżentazzjoni ta’ offerti fil-forma ta’ katalogi elettroniċi, l-entitajiet kontraenti jistgħu jipprovdu li l-ftuħ mill-ġdid ta’ kompetizzjoni għal kuntratti speċifiċi jseħħ fuq il-bażi ta’ katalogi aġġornati. F’dak il-każ, l-entitajiet kontraenti għandhom jużaw wieħed mill-metodi li ġejjin:
(a) jistiednu lill-offerenti sabiex jippreżentaw mill-ġdid il-katalogi elettroniċi tagħhom, adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt inkwistjoni; jew
(b) jinnotifikaw lill-offerenti li għandhom il-ħsieb li jiġbru mill-katalogi elettroniċi li diġà ġew ppreżentati l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu kostitwiti offerti adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt speċifiku inkwistjoni, dejjem jekk l-użu ta’ dan il-metodu jkun ġie mħabbar fid-dokumenti tal-akkwist tal-ftehim qafas.
(7) Fejn l-entitajiet kontraenti jiftħu mill-ġdid kompetizzjoni għal kuntratti speċifiċi skont is-subregolament (6)(b), dawn għandhom jinnotifikaw lill-offerenti bid-data u l-ħin li fihom għandhom il-ħsieb li jiġbru l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu kostitwiti offerti adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt speċifiku inkwistjoni u għandhom jagħtu lill-offerenti l-possibilità li jiċħdu tali ġbir ta’ informazzjoni.
(8) L-entitajiet kontraenti għandhom jipprovdu perjodu adegwat bejn in-notifika u l-istess ġbir tal-informazzjoni.
(9) Qabel ma jagħtu l-kuntratt, l-entitajiet kontraenti għandhom jippreżentaw l-informazzjoni miġbura lill-offerent ikkonċernat, sabiex b’hekk jagħtuh l-opportunità li jikkontesta jew jikkonferma li l-offerta hekk ikkostitwita ma fiha l-ebda żball materjali.
(10) L-entitajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti fuq il-bażi ta’ sistema dinamika ta’ xiri billi jesiġu li offerti għal kuntratt speċifiku għandhom jiġu ppreżentati fil-format ta’ katalogu elettroniku.
(11) L-entitajiet kontraenti jistgħu wkoll jagħtu kuntratti bbażati fuq sistema dinamika ta’ xiri skont id-dispożizzjonijiet tas-subregolament (6)(b) u subregolamenti (7), (8) u (9) dejjem jekk it-talba għal parteċipazzjoni fis-sistema dinamika ta’ xiri tkun akkumpanjata minn katalogu elettroniku skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-format stabbiliti mill-entità kontraenti.
(12) Għall-finijiet tas-subregolament (11), il-katalogu għandu jimtela’ mill-kandidati, meta dawn ikunu ġew mgħarrfa bl-intenzjoni tal-entità kontraenti li tikkostitwixxi l-offerti permezz tal-proċedura stabbilita fis-subregolament (6)(b).
Emendat b’A.L. 26 tal-2018
Regolament ta’ qabel
73 — Stediniet lill-kandidati
Regolament li jmiss
75 — Determinazzjoni tal-limiti taż-żmien
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.