L.S. 601.05 · Taqsima I · Dispożizzjonijiet Ġenerali
Regolament 34. A.L.46 tal-2019
L-Uffiċċju tad-Direttur tal-Kuntratti
Fir-rigward ta’ proċedura ta’ akkwist mwettqa mid-Direttur f’isem awtorità kontraenti b’valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 30(1)(b), id-Direttur tal-Kuntratti jkollu wkoll il-funzjoni li:
(a) jistabbilixxi u japprova l-kundizzjonijiet ġenerali tad-dokumenti tal-akkwist;
(b) jawtorizza diverġenzi minn termini u kundizzjonijiet standard skont ir-regolamenti hawn stabbiliti u li jistgħu jiġu inklużi fid-dokumenti ta’ akkwist;
(ċ) jikkunsidra l-estensjoni jew it-tħassir tal-proċedura tal-akkwist;
(d) jordna li l-perjodu tal-akkwist ta’ kull sejħa għal offerti imsemmija f’dawn ir-regolamenti jittawwal jekk iqis li dik l-estensjoni hija ġustifikata fiċ-ċirkustanzi tal-każ;
(e) jifli u japprova, b’xi tibdil jew mingħajru, dokumenti ta’ akkwist, qabel ma dawn jinħarġu u jiġu pubblikati;
(f) japprova, meta meħtieġ taħt dawn ir-regolamenti, varjazzjonijiet li jaqbżu l-ammont stabbilit fir-regolament 177(3);
(g) japprova talbiet magħmula mill-awtoritajiet kontraenti għal estenzjoni ta’ kuntratti jekk huwa jqis li ċ-ċirkustanzi jkunu hekk jitolbu fl-interess pubbliku u jsiru dispożizzjoniiet speċifiċi dwar dawk l-estensjonijiet fid-dokument tal-akkwist;
(h) jidentifika u jimplimenta mezzi adatti biex ikun jista’ jissorvelja l-eżekuzzjoni kif suppost ta’ kuntratti mogħtija;
(i) jagħmel regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti f’isem u għar-rigward tal-awtoritajiet kontraenti koperti minn dawn ir-regolamenti, li jinkludu l-każ ta’ assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet li dik l-awtorità kontraenti tkun membru fihom;
(j) jistabbilixxi l-proċedura li taffettwa l-għoti ta’ kuntratti regolati b’proċeduri li jiddevjaw minn dawn ir-regolamenti sakemm dawn il-proċeduri jiġu pubblikat b’avviż fil-Gazzetta;
(k) jippubblika fil-Gazzetta avviż dwar l-għotjiet kollha ta’ kuntratti inklużi l-varjazzjonijiet barra mil-limiti tal-kundizzjonijiet tal-offerta, fi żmien sitt xhur mill-għoti tagħhom;
(l) li jaġġudika offerti u jiffirma kuntratti f’isem u għan-nom ta’ awtoritajiet kontraenti kif stabbiliti taħt dawn ir-regolamenti;
(m) jieħu miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat li fit-twettiq ta’ kuntratti pubbliċi, l-operaturi ekonomiċi huma konformi mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali, ftehim kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali ambjentali, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Iskeda 14: Iżda d-Direttur jista' jiddeċiedi li ma jagħtix kuntratt lill-offerent li jissottometti l-aħjar offerta fejn huwa ikunu stabbilixxa li l-offerta ma tikkonformax mal-obbligi applikabbli msemmijin f’dan il-paragrafu; u'
(n) jagħmel u jibgħat lill-Ministru, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, rapport dwar -
(i) l-ħidma tal-Kumitat tal-Kuntratti Ġenerali u tal-Kumitat Speċjali tal-Kuntratti matul is-sena finanzjarja li jkun qed isir ir-rapport dwarha. Ir-rapport għandu, b’mod partikolari, jipprovdi dettalji li jirrigwardaw appelli ppreżentati mill-kandidati u l-offerenti u kull min ikollu jew darba kellu xi interess f’li jikseb xi kuntratt pubbliku partikolari skont dawn ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat tal-Kuntratti Ġenerali; u
(ii) ir-riżultat tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ: Iżda wara li jkun intbagħat ir-rapport lill-Ministru, id-Direttur għandu jiżgura li dan ir-rapport jiġi pubblikat;
(o) jinforma lill-Kummissjoni dwar:
(i) kwalunkwe diffikultà ġenerali, fil-liġi jew fil-fatt, li jkun ltaqa’ magħha u ġiet rapportata mill-impriżi huwa u jiżgura l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz f’pajjiżi terzi;
(ii) kwalunkwe diffikultà ġenerali, fil-liġi jew fil-fatt, li jkun ltaqa’ magħha u ġiet rapportata mill-impriżi u li tirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet internazzjonali tal-liġi tax-xogħol elenkati fl-Iskeda 14 meta dawk l-impriżi jkunu ppruvaw jiżguraw l-għoti ta’ kuntratti f’pajjiżi terzi: Iżda d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi (i) u (ii) għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-impenji tal-Unjoni b’rabta ma’ pajjiżi terzi li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali dwar l-akkwist pubbliku, partikolarment fil-qafas tad-WTO.
Referenzi
Skedi li jirreferi għalihom
Regolament ta’ qabel
33 — Applikabbiltà tar-Reegolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku
Regolament li jmiss
35 — Dmir tal-awtorità kontraenti
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.