L.S. 601.03 · Taqsima VII · Għażla ta’ Parteċipanti u Għoti ta’ Kuntratti
Regolament 241. Rapporti individwali dwar proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti
Għoti ta’ Kuntratt
(1) Dan ir-regolament għandu japplika għal kull kuntratt jew ftehim qafas kopert minn dawn ir-regolamenti, u kull darba li tiġi stabbilita sistema dinamika ta’ xiri, fejn il-valur stmat ta’ dawk il-proċeduri jaqa’ taħt ir-regolament 9(1)(b).
(2) Għal kull kuntratt jew ftehim qafas kopert minn dawn ir-regolamenti, u kull darba li tiġi stabbilita sistema dinamika ta’ xiri, l-awtoritajiet kontraenti għandhom ifasslu rapport bil-miktub li mill-anqas għandu jinkludi dan li ġej:
(a) l-isem u l-indirizz tal-awtorità kontraenti, is-suġġett u l-valur tal-kuntratt, il-ftehim qafas jew is-sistema dinamika ta’ xiri;
(b) fejn applikabbli, ir-riżultati tal-għażla kwalitattiva u, jew it-tnaqqis ta’ numri skont ir-regolamenti 237 u 238, jiġifieri:
(i) l-ismijiet tal-kandidati jew offerenti magħżula u r-raġunijiet għall-għażla tagħhom;
(ii) l-ismijiet tal-kandidati jew offerenti miċħuda u r-raġunijiet għaċ-ċaħda tagħhom;
(ċ) ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ offerti meqjusa bħala baxxi wisq;
(d) isem l-offerent li jintgħażel u r-raġunijiet għalfejn intgħażlet l-offerta tiegħu u, fejn dan ikun magħruf, is-sehem tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas li l-offerent li jintgħażel beħsiebu jagħti bħala subkuntratt lil partijiet terzi; u, fejn magħruf f’dan il-mument ta’ żmien, l-ismijiet tas-subkuntratturi tal-kuntrattur prinċipali, jekk ikun hemm;
(e) għal proċeduri kompetittivi bin-negozjati u d-djalogi kompetittivi, iċ-ċirkustanzi kif stabbiliti fir-regolamenti 123 sa 127 u 140 sa 149 li jiġġustifikaw l-użu ta’ dawn il-proċeduri;
(f) għal proċeduri negozjati mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, iċ-ċirkustanzi msemmija fir-regolamenti 150 sa 156 li jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-proċedura;
(g) fejn applikabbli, ir-raġunijiet għalfejn l-awtorità kontraenti ddeċidiet li ma tagħtix kuntratt jew ftehim qafas jew li ma tistabbilixxix sistema dinamika ta’ xiri;
(h) fejn applikabbli, ir-raġunijiet għalfejn intużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni minbarra dawk elettroniċi għat-tfigħ tal-offerti;
(i) fejn applikabbli, il-kunflitti ta’ interess identifikati u l-miżuri sussegwenti meħuda.
(3) Dan ir-rapport ma għandux jintalab fir-rigward ta’ kuntratti bbażati fuq ftehim qafas meta dawn jiġu konklużi f’konformità mar-regolamenti 171, 172 jew 173(1)(a).
(4) Sakemm l-avviż tal-għoti tal-kuntratt imfassal skont ir-regolament 49 jew ir-regolament 163(2) fih l-informazzjoni mitluba f’dan ir-regolament, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirreferu għal dak l-avviż.
(5) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiddokumentaw il-progress tal-proċeduri ta’ akkwist kollha, kemm jekk dawn isiru b’mezzi elettroniċi jew le. Għal dak il-għan, huma għandhom jiżguraw li jżommu dokumentazzjoni suffiċjenti biex jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda fl-istadji kollha tal-proċedura tal-akkwist, bħad-dokumentazzjoni dwar il-komunikazzjoni ma’ operaturi ekonomiċi u deliberazzjonijiet interni, it-tħejjija tad-dokumenti tal-akkwist, djalogu jew negozjati jekk ikun hemm, l-għażla u l-għoti tal-kuntratt. Id-dokumentazzjoni għandha tinżamm għall-anqas għal perijodu ta’ tliet snin mid-data tal-għoti tal-kuntratt.
(6) Ir-rapport, jew l-elementi ewlenin tiegħu, għandu jiġu komunikat lill-Kummissjoni jew lill-awtoritajiet, korpi jew strutturi fejn dawn jitolbu li jsir hekk.
Referenzi
Dan ir-regolament jirreferi għal
Regolament ta’ qabel
240 — L-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja
Regolament li jmiss
242 — Informazzjoni lill-kandidati u offerenti
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.