Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.03 · Taqsima IV · Tipi ta’ Proċeduri ta’ Akkwist

Regolament 145. Djalogu

Djalogu Kompetittiv

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 27 ta’ Ġunju 2025. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) Flimkien mal-parteċipanti magħżulin skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament 61(2), it-Taqsima VI u r-regolamenti 217 sa 235, l-awtoritajiet kontraenti għandhom iniedu djalogu bil-għan li jiġu identifikati u definiti l-aktar mezzi xierqa sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tagħhom. Huma jistgħu jiddiskutu l-aspetti kollha tal-akkwist mal-parteċipanti magħżulin matul dan id-djalogu.

(2) Matul id-djalogu, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw ugwaljanza tat-trattament fost il-parteċipanti kollha. Għal dak il-għan, ma għandhomx jipprovdu informazzjoni b’mod diskriminatorju li tista’ tagħti vantaġġ lil xi parteċipanti fuq oħrajn.

(3) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-regolament 40, l-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jiżvelaw lill-parteċipanti l-oħra informazzjoni kunfidenzjali kkomunikata minn kandidat jew offerent parteċipanti li jkun qed jieħu sehem fid-djalogu mingħajr il-qbil tiegħu. Tali qbil ma għandux jieħu l-forma ta’ eżenzjoni ġenerali iżda għandu jsir b’referenza għall-komunikazzjoni intenzjonata tal-informazzjoni speċifika.

(4) Id-djalogi kompetittivi jistgħu jseħħu fi stadji suċċessivi sabiex jonqos in-numru ta’ soluzzjonijiet li jridu jiġi diskussi fl-istadju ta’ djalogu billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti stipulati fl-avviż dwar kuntratt jew fid-dokument deskrittiv. Fl-avviż tal-kuntratt jew fid-dokument deskrittiv, l-awtorità kontraenti għandha tindika jekk hijiex ser tuża dik l-għażla.

(5) L-awtorità kontraenti għandha tkompli bid-djalogu sakemm tkun kapaċi tidentifika s-soluzzjoni jew is-soluzzjonijiet li huma kapaċi jilħqu l-ħtiġiet tagħha.

(6) Wara li jiddikkjaraw li d-djalogu ntemm u wara li jgħarrfu lill-parteċipanti rimanenti dwar dan, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jitolbu lil kull wieħed minnhom jissottomettu l-offerti finali tagħhom fuq il-bażi tas-soluzzjoni jew is-soluzzjonijiet ppreżentati u speċifikati matul id-djalogu. Dawk l-offerti għandu jkun fihom l-elementi kollha meħtiega u neċessarji għat-twettiq tal-proġett.

Referenzi

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.