Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.03 · Taqsima VII · Għażla ta’ Parteċipanti u Għoti ta’ Kuntratti

Regolament 240. L-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja

Għoti ta’ Kuntratt

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 27 ta’ Ġunju 2025. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) L-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja għandhom, safejn ikun rilevanti, ikopru l-ispejjeż kollha li ġejjin jew partijiet minnhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott, servizz jew xogħlijiet:

(a) spejjeż imġarrba mill-awtorità kontraenti jew utenti oħra, bħal:

(i) spejjeż relatati mal-akkwist;

(ii) spejjeż tal-użu, bħal konsum tal-enerġija u riżorsi oħra;

(iii) spejjeż tal-manutenzjoni;

(iv) spejjeż ta’ tmiem iċ-ċiklu, bħall-ġbir u l-ispejjeż tar-riċiklaġġ;

(b) spejjeż attribwiti lil esternalitajiet ambjentali marbutin mal-prodott, is-servizz jew ix-xogħlijiet matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu, dment li l-valur monetarju tagħhom ikun jista’ jiġi determinat u verifikat; tali spejjeż jistgħu jinkludu l-ispiża ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa oħra u spejjeż oħrajn ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

(2) Meta l-awtoritajiet kontraenti jivvalutaw l-ispejjeż permezz ta’ approċċ tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja, huma għandhom jindikaw fid-dokumenti tal-akkwist id-data li għandha tingħata mill-offerenti u l-metodu li ser tuża l-awtorità kontraenti biex tiddetermina l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja abbażi ta’ dik id-data.

(3) Il-metodu użat għall-valutazzjoni tal-ispejjeż attribwiti lil esternalitajiet ambjentali għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin kollha:

(a) huwa bbażat fuq kriteriji li jistgħu jkunu verifikati oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni. B’mod partikolari, fejn ma ġiex stabbilit għal applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, ma għandux jiffavorixxi jew jiżvantaġġa mingħajr ġustifikazzjoni lil ċerti operaturi ekonomiċi;

(b) ikun aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha;

(ċ) id-data mitluba tista’ tingħata bi sforz raġonevoli minn operaturi ekonomiċi normalment diliġenti, inklużi operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terżi parti għall-FAP jew ftehim internazzjonali oħra li l-Unjoni hija marbuta bihom.

(4) Kull meta metodu komuni għall-kalkolu tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja ikun sar obbligatorju minn att leġislattiv tal-Unjoni, dak il-metodu komuni għandu jiġi applikat għall-valutazzjoni tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja.

(5) Lista tal-metodi komuni ta’ kalkolu msemmija fis-subregolament (4) hi stabbilita fl-Anness XIII tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku.

Referenzi

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.