Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti

Regolament 39. Verifika tal-kapaċità tal-kandidati u għażla tal-parteċipanti, għoti ta’ kuntratt

Kapitolu VII Twettiq tal-proċedura Sezzjoni 1 Dispożizzjonijiet ġenerali

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 25 ta’ Ottubru 2011. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) L-għoti tal-kuntratti għandu jsir abbażi tal-kriterji previsti fir-regolamenti 48 u 50, filwaqt li jiġi kkunsidrat ir-regolament 20, wara verifika tal-kapaċità tal-operaturi ekonomiċi mhux esklużi skont ir-regolamenti 40 jew 41, magħmula mill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti skont il-kriterji relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, mal-għarfien jew il-kapaċitajiet professjonali u tekniċi msemmija fir-regolamenti 42 sa 47 u, skont il-każ, mar-regoli u l-kriterji non-diskriminatorji msemmija fis-subregolament (3).

(2) L-awtoritajiet jew entitajiet jistgħu jeħtieġu livelli minimi ta’ kapaċitajiet, skont ir-regolamenti 42 u 43, li l-kandidati għandhom jissodisfaw u l-estensjoni tal-informazzjoni msemmija fir-regolamenti 42 u 43 kif ukoll il-livelli minimi tal-kapaċitajiet meħtieġa għal kuntratt determinat għandhom ikunu relatati u proporzjonali mas-suġġett tal-kuntratt. Dawn il-livelli minimi għandhom ikunu indikati fl-avviż tal-kuntratt.

(3) Fil-proċeduri ristretti, il-proċeduri negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt u fi djalogu kompetittiv, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jirrestrinġu n-numru ta’ kandidati xierqa li huma ser jistiednu biex jippreżentaw offerta jew li magħhom ser jiddjalogaw. F’dan il-każ:

(a) l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jindikaw fl-avviż tal-kuntratt il-kriterji jew ir-regoli oġġettivi u non-diskriminatorji li huma jipprevedu li jużaw, in-numru minimu ta’ kandidati li huma jipprevedu li jistiednu u, jekk ikun il-każ, in-numru massimu. In-numru minimu ta’ kandidati li huma bi ħsiebhom jistiednu ma jistax ikun anqas minn tlieta;

(b) sussegwentement, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jistiednu numru ta’ kandidati li tal-anqas ikun daqs in-numru minimu stabbilit minn qabel, sakemm ikun hemm disponibbli numru suffiċjenti ta’ kandidati adegwati.

(4) Fejn in-numru ta’ kandidati li jissodisfaw il-kriterji ta’ għażla u l-livelli minimi ta’ kapaċità jkun inqas min-numru minimu, l-awtorità jew entità kontraenti tista’ tkompli l-proċedura billi tistieden lill-kandidat jew kandidati li għandhom il-kapaċitajiet meħtieġa.

(5) Jekk l-awtorità jew entità kontraenti tqis li n-numru ta’ kandidati adegwati huwa baxx wisq biex jiżgura kompetittività ġenwina, hija tista’ twaqqaf il-proċedura u terġa’ tippubblika l-avviż inizjali ta’ kuntratt taħt ir-regolamenti 31(2) u 33, filwaqt li tiffissa data ta’ skadenza ġdida għat-tressiq ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni. F’dan il-każ, il-kandidati magħżula wara l-ewwel pubblikazzjoni u dawk magħżula wara t-tieni għandhom jiġu mistiedna taħt ir-regolament 35. Din l-għażla għandha tkun mingħajr ħsara għall-kapaċità tal-awtorità jew entità kontraenti li tikkanċella l-proċedura ta’ akkwist li tkun għaddejja u li tibda waħda ġdida.

(6) Fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratti, l-awtorità jew entità kontraenti ma tistax tinkludi operaturi ekonomiċi ħlief dawk li għamlu talba biex jipparteċipaw, jew kandidati mingħajr il-kapaċitajiet rikjesti.

(7) Fejn l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jirrikorru għall-fakultà li jitnaqqas in-numru ta’ soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi jew ta’ offerti li għandhom jiġu negozjati, prevista fir-regolamenti 27(6), u 28(4), dawn jagħmlu dan it-tnaqqis billi japplikaw il-kriterji tal-għoti li kienu indikaw fl-avviż tal-kuntratt jew fid-dokumenti tal-kuntratt. Fil-fażi finali, dan in-numru għandu jippermetti li tkun żgurata kompetizzjoni ġenwina, sakemm ikun hemm numru suffiċjenti ta’ soluzzjonijiet jew ta’ kandidati adatti.

Referenzi

Dan ir-regolament jirreferi għal

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.