L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti
Regolament 31. Avviżi
Kapitolu VI Regoli dwar reklamar u trasparenza Sezzjoni 1 Pubblikazzjoni tal-avviżi
(1) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jgħarrfu permezz ta’ avviż ta’ tagħrif minn qabel, ippubblikat mill-Kummissjoni jew minnhom stess fil-"profil tax-xerrej" tagħhom kif deskritt fil-punt 2 tal-Iskeda V:
(a) f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvisti, l-ammont totali stmat tal-kuntratti jew tal-istrumenti ta’ ftehim qafas minn gruppi ta’ prodotti li huma bi ħsiebhom jagħtu matul it-tnax-il xahar ta’ wara. Il-gruppi ta’ prodotti għandhom ikunu stabbiliti mill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti b’referenza għan-nomenklatura tas-CPV;
(b) f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi, l-ammont totali stmat tal-kuntratti jew tal-istrumenti ta’ ftehim qafas, għal kull waħda mill-kategoriji ta’ servizzi li huma bi ħsiebhom jagħtu matul it-tnax-il xahar ta’ wara;
(ċ) f’dak li għandu x’jaqsam max-xogħlijiet, il-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratti jew tal-istrumenti ta’ ftehim qafas li huma bi ħsiebhom jagħtu.
(2) L-avviżi msemmija fis-subregolament (1) għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni jew ikunu ppubblikati fuq il-profil tax-xerrej mill-aktar fis possibbli wara li tittieħed id-deċiżjoni li tawtorizza l-proġett li għat-twettiq tiegħu l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti bi ħsiebhom jagħtu kuntratti jew jidħlu fi ftehim qafas.
(3) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti li jippubblikaw l-avviż ta’ tagħrif minn qabel fuq il-profil tax-xerrej tagħhom, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, b’mezz elettroniku, avviż dwar il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ tagħrif fuq il-profil tax-xerrejfuq il-profil tax-xerrej, konformement mal-format u mal-proċeduri ta’ trasmissjoni indikati fil-punt 3 tal-Iskeda V.
(4) Il-pubblikazzjoni tal-avviżi msemmija fis-subregolament (1) għandha tkun obbligatorja biss fejn l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jagħżlu li jqassru l-limiti ta’ żmien biex jirċievu offerti kif stipulat fir-regolament 33(4).
(5) Is-subregolamenti (1) sa (4) m’għandhomx japplikaw għall-proċeduri negozjati mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt.
(6) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti li jixtiequ jagħtu kuntratt jew ftehim qafas billi jirrikorru għal proċedura ristretta, għal proċedura negozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż jew għal djalogu kompetittiv għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ avviż ta’ kuntratt.
(7) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti li taw kuntratt jew ikkonkludew ftehim qafas, għandhom jibagħtu avviż dwar ir-riżultati tal-proċedura tal-għoti sa mhux aktar tard minn tmienja u erbgħin jum wara l-għoti tal-kuntratt jew il-konklużjoni tal-ftehim qafas.
(8) Fil-każ ta’ strumenti ta’ ftehim qafas konklużi konformement mar-regolament 30, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti m’għandhomx ikunu obbligati li jibagħtu avviż dwar ir-riżultati tal-għoti ta’ kull kuntratt ibbażat fuq dak il-ftehim.
(9) Ċerta informazzjoni dwar l-għoti tal-kuntratt jew il-konklużjoni tal-ftehim qafas tista’ ma tkunx ippubblikata fil-każ fejn l-iżvelar ta’ tali informazzjoni jista’ jkun ta’ ostaklu għall-applikazzjoni tal-liġijiet, imur kontra l-interess pubbliku, b’mod partikolari l-interessi ta’ difiża u, jew sigurtà, jew ikun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operaturi ekonomiċi pubbliċi jew privati, jew jista’ jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni ġusta bejniethom.
Regolament ta’ qabel
30 — Strument ta’ ftehim qafas
Regolament li jmiss
32 — Pubblikazzjoni mhux obbligatorja
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.