Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti

Regolament 30. Strument ta’ ftehim qafas

Kapitolu V Proċeduri

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 25 ta’ Ottubru 2011. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jikkonkludu ftehim qafas.

(2) Għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ ftehim qafas, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom isegwu r-regoli ta’ proċedura msemmija f’dawn ir-regolamenti għall-fażijiet kollha sal-għoti tal-kuntratti abbażi ta’ dan il-ftehim qafas. L-għażla tal-partijiet għall-ftehim qafas għandha ssir bl-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti stabbiliti konformement mar-regolament 48.

(3) Il-kuntratti bbażati fuq ftehim qafas għandhom ikunu mogħtija skont il-proċeduri previsti fis-subregolamenti (8) u (9). Dawn il-proċeduri huma applikabbli biss bejn l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi li kienu oriġinarjament partijiet għall-ftehim qafas.

(4) Wara l-għoti ta’ kuntratti bbażati fuq il-ftehim qafas, il-partijiet f’ebda każ ma jistgħu jagħmlu emendi sostanzjali għat-termini stabbiliti f’dan il-ftehim qafas, notevolment fil-każ stabbilit fis-subregolament (8).

(5) It-tul ta’ żmien ta’ ftehim qafas ma jistax jeċċedi s-seba’ snin, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali determinati billi jitqiesu t-tul tas-servizz mistenni ta’ kull oġġett, istallazzjoni jew sistema mwassla, u d-diffikultajiet tekniċi li l-bidla fil-fornitur tista’ toħloq.

(6) Għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fis-subregolament (5), l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni xierqa għal dawk iċ-ċirkostanzi fl-avviż imsemmi fir-regolament 31(3).

(7) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti ma jistgħux jużaw ftehim qafas b’mod mhux xieraq jew b’tali mod li jimpedixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-kompetizzjoni.

(8) Fejn ftehim qafas ikun konkluż ma’ operatur ekonomiku wieħed, il-kuntratti bbażati fuq dan il-ftehim qafas għandhom jingħataw fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-ftehim qafas. Għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jikkonsultaw bil-miktub lill-operatur li huwa parti fil-ftehim qafas, billi jitolbuh ikompli, jekk ikun hemm il-ħtieġa, l-offerta tiegħu.

(9) Fejn ftehim qafas ikun konkluż ma’ diversi operaturi ekonomiċi, in-numru tagħhom għandu jkun mill-inqas ugwali għal tlieta, sabiex ikun hemm numru suffiċjenti ta’ operaturi ekonomiċi li jissodisfaw il-kriterji ta’ għażla u, jew ta’ offerti li jistgħu jkunu rċevuti li jikkorrispondu għall-kriterji tal-għoti.

(10) L-għoti tal-kuntratti bbażati fuq strumenti ta’ ftehim qafas konklużi ma’ bosta operaturi ekonomiċi jista’ jsir jew:

(a) bl-applikazzjoni tat-termini stabbiliti fil-ftehim qafas, mingħajr ma jinfetaħ għall-kompetizzjoni, jew

(b) meta t-termini kollha ma jkunux stabbilti fil-ftehim qafas, wara li l-partijiet jerġgħu ikunu f’kompetizzjoni abbażi tal-istess termini, jekk meħtieġ jiġu ppreċiżati lilhom, u, jekk ikun hemm il-ħtieġa, termini oħrajn indikati fid-dokumenti tal-kuntratt tal-ftehim qafas, skont il-proċedura li ġejja:

(i) għal kwalunkwe kuntratt li għandu jingħata, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jikkonsultaw bil-miktub lill-operaturi ekonomiċi li huma kapaċi li jwettqu l-kuntratt;

(ii) l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jiffissaw limitu ta’ żmien suffiċjenti biex jiġu ppreżentati l-offerti relatati ma’ kwalunkwe kuntratt speċifiku filwaqt li jkunu kkunsidrati elementi bħall-kumplessità tas-suġġett tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għall-preżentazzjoni tal-offerti;

(iii) l-offerti għandhom ikunu ppreżentati bil-miktub u l-kontenut tagħhom għandu jibqa’ kunfidenzjali sat-tmiem tal-limitu ta’ żmien previst għal tweġiba;

(iv) l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jagħtu kwalunkwe kuntratt lil min għamel l-aħjar offerta abbażi tal-kriterji tal-għoti stabbiliti fid-dokumenti tal-kuntratt tal-ftehim qafas.

Referenzi

Dan ir-regolament jirreferi għal

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.