L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti
Regolament 34. Limit taż-żmien biex jiġu riċevuti talbiet għall-parteċipazzjoni u biex jiġu riċevuti offerti
Sezzjoni 2 Limiti ta’ żmien
(1) Meta jistabbilixxu l-limiti ta’ żmien biex jaslu t-talbiet għall-parteċipazzjoni u tal-offerti, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jikkunsidraw b’mod partikolari l-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għat-tħejjija tal-offerti, mingħajr preġudizzju għal-limiti ta’ żmien minimi stabbiliti b’dan ir-regolament.
(2) Fil-proċeduri ristretti, il-proċeduri negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt u l-użu ta’ djalogu kompetittiv, il-limitu ta’ żmien minimu biex jaslu t-talbiet għall-parteċipazzjoni għandu jkun ta’ sebgħa u tletin jum mid-data ta’ meta jintbagħat l-avviż ta’ kuntratt.
(3) Fil-proċeduri ristretti, il-limitu ta’ żmien minimu biex jaslu l-offerti huwa ta’ erbgħin jum mid-data ta’ meta tintbagħat l-istedina.
(4) Meta l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jippubblikaw avviż ta’ informazzjoni minn qabel, il-limitu ta’ żmien minimu għall-wasla tal-offerti skont is-subregolament (3) jista’, bħala regola ġenerali, jitqassar għal sitta u tletin jum, iżda taħt l-ebda ċirkostanza għal inqas minn tnejn u għoxrin jum. Il-limitu ta’ żmien għandu jibda mid-data li fiha jkun intbagħtet is-sejħa għall-offerti.
(5) Il-limiti ta’ żmien imqassra msemmija fis-subregolament (1) għandhom ikunu permessi, sakemm l-avviż ta’ informazzjoni minn qabel ikun inkluda t-tagħrif kollu meħtieġ għall-avviż ta’ kuntratt fl-Iskeda IV, u safejn dak it-tagħrif ikun disponibbli fiż-żmien meta l-avviż jiġi ppubblikat u sakemm l-avviż ta’ informazzjoni minn qabel ikun intbagħat għall-pubblikazzjoni bejn tnejn u ħamsin jum u tnax-il xahar qabel id-data li fiha jkun intbagħat l-avviż ta’ kuntratt.
(6) Meta l-avviżi jitħejjew u jintbagħtu b’mezzi elettroniċi konformement mal-format u mal-proċeduri ta’ trasmissjoni indikati fil-punt 3 tal-Iskeda V, il-limitu ta’ żmien minimu biex jaslu t-talbiet għall-parteċipazzjoni msemmi fis-subregolament (2) jista’ jitqassar b’sebat ijiem.
(7) Il-limiti ta’ żmien għall-wasla tal-offerti msemmija fis-subregolament (3) ta’ dan ir-regolament jistgħu jitqassru b’ħamest ijiem meta l-awtorità jew entità kontraenti toffri aċċess mhux ristrett u kompletament dirett b’mezzi elettroniċi għad-dokumenti tal-kuntratt u għal kwalunkwe dokument ta’ sostenn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż skont l-Iskeda V, filwaqt li tispeċifika fit-test tal-avviż l-indirizz tal-Internet fejn din id-dokumentazzjoni tkun aċċessibli. Dan it-tnaqqis jista’ jkun miżjud ma’ dak imsemmi fis-subregolament (6).
(8) Jekk, għal kwalunkwe raġuni, id-dokumenti kuntrattwali u d-dokumenti ta’ sostenn jew l-informazzjoni addizzjonali, għalkemm mitluba minn kmieni, ma jingħatawx fil-limitu ta’ żmien stipulat fir-regolament 35, jew fejn offerti jistgħu jkunu mitfugħa biss wara żjara fis-sit jew wara spezzjoni fuq il-post tad-dokumenti ta’ sostenn għad-dokumenti tal-kuntratt, il-limiti ta’ żmien għall-ilqugħ tal-offerti għandhom jiġu estiżi b’mod li l-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati jistgħu jkunu konxji tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex jipproduċu l-offerti.
(9) Meta, fil-proċeduri ristretti u negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, minħabba f’raġunijiet ta’ urġenza l-limiti ta’ żmien minimi stabbiliti f’dan ir-regolament ma jkunux prattikabbli, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu:
(a) limitu ta’ żmien biex jaslu t-talbiet għall-parteċipazzjoni li ma jistax ikun inqas minn ħmistax-il jum mid-data ta’ meta jintbagħat l-avviż ta’ kuntratt jew għaxart ijiem jekk l-avviż jintbagħat b’mezzi elettroniċi, konformement mal-format u mal-proċeduri ta’ trasmissjoni stabbiliti fil-punt 3 tal-Iskeda V; u
(b) fil-każ ta’ proċeduri ristretti, limitu ta’ żmien biex jaslu l-offerti li ma jistax ikun inqas minn għaxart ijiem mid-data ta’ meta tintbagħat l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti.
Regolament ta’ qabel
33 — Forma u mod kif jiġu ppubblikati l-avviżi
Regolament li jmiss
35 — L-istediniet għall-preżentazzjoni tal-offerti, għan-negozjar jew għad-djalogar
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.