L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti
Regolament 35. L-istediniet għall-preżentazzjoni tal-offerti, għan-negozjar jew għad-djalogar
Sezzjoni 3 Il-Kontenut u mezzi ta’ trasmissjoni tal-informazzjoni
(1) Fil-proċeduri ristretti, il-proċeduri negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt u fid-djalogu kompetittiv, l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jistiednu fl-istess ħin u bil-miktub lill-kandidati magħżula sabiex jissomettu l-offerti tagħhom jew biex jinnegozzjaw jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv, jieħdu sehem fid-djalogu.
(2) L-istedina għall-kandidati għandha tinkludi jew:
(a) kopja tad-dokumenti kuntrattwali jew tad-dokument deskrittiv u kull dokument ta’ sostenn, jew
(b) referenza għall-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-paragrafu (a), meta jsiru direttament disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi taħt ir-regolament 34(7).
(3) Fejn id-dokumenti kuntrattwali, id-dokument deskrittiv u, jew xi dokumenti komplementari jkunu fil-pussess ta’ entità li ma tkunx l-awtorità jew entità kontraenti responsabbli għall-proċedura tal-għoti, l-istedina għandha tispeċifika l-indirizz tas-servizz minn fejn tista’ tintalab din id-dokumentazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-limitu ta’ żmien biex issir din it-talba, kif ukoll l-ammont u kull proċedura ta’ ħlas tas-somma li għandha titħallas biex jinkisbu dawn id-dokumenti. Hekk kif jirċievu t-talba, is-servizzi kompetenti għandhom jibgħatu din id-dokumentazzjoni lill-operaturi ekonomiċi mingħajr dewmien.
(4) It-tagħrif supplementari dwar id-dokumenti tal-kuntratt, id-dokument deskrittiv, u, jew id-dokumenti komplementari għandhom jintbagħtu mill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jew mis-servizzi kompetenti mhux aktar tard minn sitt ijiem qabel l-iskadenza stabbilita biex jaslu l-offerti sakemm dan jintalab kmieni biżżejjed. Fil-każ ta’ proċedura ristretta jew aċċellerata, dan il-perjodu ta’ żmien huwa ta’ erbat ijiem.
(5) Minbarra l-informazzjoni prevista fis-subregolamenti (2), (3) u (4), l-istedina għandha tinkludi mill-inqas:
(a) referenza għall-avviż ta’ kuntratt ippubblikat;
(b) l-iskadenza biex jaslu l-offerti, l-indirizz fejn iridu jintbagħtu l-offerti u l-lingwa jew il-lingwi li bihom iridu jkunu miktuba l-offerti. Fil-każ ta’ proċedura ta’ djalogu kompetittiv, din l-informazzjoni m’għandhiex tkun fl-istedina biex wieħed jieħu sehem fid-djalogu iżda fl-istedina biex wieħed jippreżenta offerta;
(ċ) fil-każ tad-djalogu kompetittiv, id-data ffissata u l-indirizz għall-bidu tal-fażi ta’ konsultazzjoni, kif ukoll il-lingwa jew il-lingwi użati;
(d) l-indikazzjoni tad-dokumenti li eventwalment għandhom ikunu mehmuża, kemm bħala appoġġ għad-dikjarazzjonijiet verifikabbli pprovduti mill-kandidat konformement mar-regolament 39, kif ukoll bħala suppliment għat-tagħrif previst f’dak ir-regolament u bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk previsti fir-regolamenti 42 u 43;
(e) l-ippeżar relattiv tal-kriterji tal-għoti tal-kuntratt jew, jekk ikun il-każ, l-importanza f’ordni ta’ nżul tal-kriterji użati biex tiġi ddefinita l-offerta l-aktar vantaġġjuża mil-lat ekonomiku, jekk dawn ma jidhrux fl-avviż ta’ kuntratt, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fid-dokument deskrittiv.
Regolament ta’ qabel
34 — Limit taż-żmien biex jiġu riċevuti talbiet għall-parteċipazzjoni u biex jiġu riċevuti offerti
Regolament li jmiss
36 — Informazzjoni għall-kandidati u għal offerenti
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.