L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti
Regolament 42. Kapaċità ekonomika u finanzjarja
Sezzjoni 2 Kriterji għal għażla kwalitattiva
(1) Il-ġustifikazzjoni tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ operatur ekonomiku tista’, bħala regola ġenerali, tkun magħmula minn referenza waħda jew aktar fost dawn li ġejjin:
(a) dikjarazzjonijiet adegwati minn banek jew, jekk ikun il-każ, prova ta’ assigurazzjoni ta’ indennità għar-riskji professjonali;
(b) il-preżentazzjoni ta’ karti tal-bilanċ jew ta’ estratti mill-karti tal-bilanċ, fil-każijiet fejn il-pubblikazzjoni tal-karti tal-bilanċ hija meħtieġa mil-leġislazzjoni tal-pajjiż fejn l-operatur ekonomiku huwa stabbilit;
(ċ) dikjarazzjoni li tikkonċerna d-dħul globali u, jekk ikun il-każ, id-dħul fil-qasam kopert mill-kuntratt, għal massimu tal-aħħar tliet snin finanzjarji disponibbli skont id-data ta’ ħolqien tal-intrapriża jew mill-bidu tal-attivitajiet tal-operatur ekonomiku, safejn l-informazzjoni dwar dan id-dħul tkun disponibbli.
(2) Operatur ekonomiku jista’, jekk ikun il-każ u għal kuntratt determinat, jistma l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn, tkun xi tkun in-natura ġuridika tar-rabtiet eżistenti bejnu u dawn l-entitajiet. Huwa għandu, f’dan il-każ, jagħti prova lill-awtorità jew entità kontraenti li huwa ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi meħtieġa, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawn l-entitajiet għal dan l-effett.
(3) Bl-istess kondizzjonijiet, konsorzju ta’ operaturi ekonomiċi msemmi fir-regolament 6 jista’ jistma l-kapaċitajiet tal-parteċipanti fil-konsorzju jew ta’ entitajiet oħrajn.
(4) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jispeċifikaw, fl-avviż tal-kuntratt, liema referenza jew referenzi msemmija fis-subregolament (1) huma għażlu, kif ukoll ir-referenzi l-oħrajn ta’ prova li għandhom jingħataw.
(5) Jekk, għal raġuni ġustifikata, l-operatur ekonomiku mhuwiex fil-pożizzjoni li jipproduċi r-referenzi mitluba mill-awtorità jew entità kontraenti, dan jista’ jagħti prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta’ kwalunkwe dokument ieħor meqjus xieraq mill-awtorità jew entità kontraenti.
Regolament ta’ qabel
41 — Idoneità għall-eżerċizzju tal-attività professjonali
Regolament li jmiss
43 — Kapaċitajiet tekniċi u, jew professjonali
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.