L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti
Regolament 37. Ir-regoli applikabbli għall-komunikazzjoni
Sezzjoni 4 Il-Komunikazzjonijiet
(1) Il-komunikazzjonijiet kollha kif ukoll l-iskambji ta’ informazzjoni kollha msemmija f’din it-Taqsima jistgħu, skont l-għażla tal-awtorità jew entità kontraenti, isiru bil-posta, bil-fax, b’mezzi elettroniċi konformement mas-subregolamenti (4) u (5), bit-telefon fil-każijiet u fiċ-ċirkostanzi msemmija fis-subregolament (6), jew b’aktar minn wieħed minn dawn il-mezzi.
(2) Il-mezzi ta’ komunikazzjoni magħżula għandhom ikunu ġeneralment disponibbli u għalhekk ma jistgħux jirriżultaw fir-restrizzjoni tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi għall-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt.
(3) Il-komunikazzjonijiet, l-iskambji u ż-żamma tal-informazzjoni għandhom isiru b’mod li jiżguraw li jinżammu l-integrità tad-data u l-kunfidenzjalità tat-talbiet għall-parteċipazzjoni u tal-offerti, u li l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jeżaminaw il-kontenut tat-talbiet għall-parteċipazzjoni u l-offerti biss wara li jkun skada l-limitu ta’ żmien previst għall-preżentazzjoni tagħhom.
(4) L-għodod użati għall-komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi, kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tagħhom, m’għandhomx ikunu diskriminatorji, iridu jkunu attwalment disponibbli għall-pubbliku u kompatibbli mat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ġeneralment użati.
(5) Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għal tagħmir għat-trasmissjoni u r-riċeviment elettroniku tal-offerti kif ukoll għal tagħmir għar-riċeviment elettroniku tat-talbiet għall-parteċipazzjoni:
(a) tagħrif dwar l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni elettronika tal-offerti u tat-talbiet għall-parteċipazzjoni, inkluż il-qlib tad-data f’kodiċi, għandu jkun disponibbli għall-partijiet interessati. Barra minn hekk, it-tagħmir għar-riċeviment elettroniku tal-offerti u tat-talbiet għall-parteċipazzjoni għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tal-Iskeda VII;
(b) l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu, konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/93/KE, jeħtieġu li l-offerti elettroniċi jkunu akkumpanjati minn firma elettronika avanzata konformi mal-paragrafu 1 ta’ dik id-Direttiva;
(ċ) l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jistallaw jew iżommu arranġamenti volontarji ta’ akkreditazzjoni maħsuba biex itejbu l-livell tas-servizz ta’ ċertifikazzjoni pprovdut minn dan it-tagħmir;
(d) il-kandidati għandhom jintrabtu li, qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien previst għall-preżentazzjoni tal-offerti jew it-talbiet għall-parteċipazzjoni, jippreżentaw id-dokumenti, iċ-ċertifikati u d-dikjarazzjonijiet imsemmija fir-regolamenti 40 sa 45 u 47, jekk ma jkunux disponibbli f’forma elettronika.
(6) Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għat-trasmissjoni tat-talbiet għall-parteċipazzjoni:
(a) it-talbiet għall-parteċipazzjoni għall-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti jistgħu jsiru bil-miktub jew bit-telefon;
(b) meta talba għall-parteċipazzjoni ssir bit-telefon, għandha tintbagħat konferma bil-miktub qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit għar-riċeviment tagħha;
(ċ) l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jirrikjedu, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ prova ġuridika, li t-talbiet għall-parteċipazzjoni magħmula bil-fax jiġu kkonfermati bil-posta jew b’mezz elettroniku. F’dan il-każ, l-awtorità jew l-entità kontraenti għandha tindika fl-avviż ta’ kuntratt dan ir-rekwiżit u l-limitu ta’ żmien li fih dan għandu jsir.
Regolament ta’ qabel
36 — Informazzjoni għall-kandidati u għal offerenti
Regolament li jmiss
38 — Il-kontenut tar-rapporti
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.