Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti

Regolament 47. Lista uffiċjali ta’ operaturi ekonomiċi approvati u ċertifikazzjoni mill-korpi stabbiliti taħt il-liġi li tirregola s-settur pubbliku jew is-settur privat

Sezzjoni 2 Kriterji għal għażla kwalitattiva

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 25 ta’ Ottubru 2011. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jintroduċu jew listi uffiċjali ta’ kuntratturi approvati, fornituri jew ta’ dawk li jipprovdu servizz, jew ċertifikazzjoni minn korpi ta’ ċertifikazzjoni stabbiliti skont il-liġi li tirregola s-settur pubbliku jew is-settur privat.

(2) Id-Direttur għandu jadatta l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni fuq dawn il-listi u għall-ħruġ ta’ ċertifikati minn korpi ta’ ċertifikazzjoni imsemmija fis-subregolament (1) għad-dispożizzjonijiet tar-regolament 42(1), (4) u (5), ir-regolament 44(1)(a) sa (i), (2) u (4) u, jekk ikun il-każ, ir-regolament 45.

(3) Barra minn dan, id-Direttur għandu wkoll jadatta l-kondizzjonijiet imsemmijin fir-regolamenti 42(2) u 43(2) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ppreżentati minn operaturi ekonomiċi li jagħmlu parti minn xi grupp u jkunu qegħdin jitolbu riżorsi mqiegħda għad-disposizzjoni tagħhom mill-kumpanniji l-oħra fil-grupp. F’każ bħal dan, dawn l-operaturi għandhom juru lid-Direttur li jistabblixxi l-lista uffiċjali li huma ser ikollhom dawn ir-riżorsi għad-disposizzjoni tagħhom tul il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat li jixhed li huma rreġistrati fil-lista uffiċjali u li matul l-istess perjodu dawn il-kumpanniji jkomplu jwettqu fis-sħiħ il-ħtiġiet ta’ għażla kwalitativa stipulati fis-subregolament (2) li fuqu joqogħdu l-operaturi għar-reġistrazzjoni tagħhom.

(4) L-operaturi ekonomiċi reġistrati fil-listi uffiċjali jew li għandhom ċertifikat jistgħu, għal kull kuntratt, jissottomettu lill-awtorità jew entità kontraenti ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti jew ċertifikat maħruġ mill-korp kompetenti ta’ ċertifikazzjoni. Iċ-ċertifikati għandhom jiddikarjaw ir-referenzi li permezz tagħhom ġew reġistrati fil-lista jew kisbu ċertifikazzjoni, u l-klassifikazzjoni mogħtija f’dik il-lista.

(5) Ir-reġistrazzjoni ċertifikata fuq listi uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti jew ċertifikat maħruġ mill-korp ta’ ċertifikazzjoni m’għandhomx, għall-għanijiet tal-awtoritajiet kontraenti ta’ Stati Membri oħra, jikkostitwixxu preżunzjoni ta’ adattabbiltà ħlief fir-rigward tar-regolament 40(1) u (2)(a) sa (d) u (h), ir-regolament 41, ir-regolament 42(1)(b) u (ċ) u r-regolament 43(1)(a)(i) u (b) sa (g) fil-każ ta’ kuntratturi, ir-regolament 43(1)(a)(ii), (b) sa (e) u (i) fil-każ ta’ fornituri u r-regolament 43(1)(a)(ii), (b) sa (e) u (g) fil-każ ta’ dawk li jipprovdu servizz.

(6) L-informazzjoni li tista’ tiġi inferita minn reġistrazzjoni f’listi uffiċjali jew ċertifikazzjoni ma tistax tiġi ddubitata mingħajr ġustifikazzjoni. Fir-rigward tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u taxxi, ċertifikat addizzjonali jista’ jkun mitlub minn kull operatur ekonomiku reġistrat kull meta jkun offrut kuntratt.

(7) L-awtoritajiet kontraenti ta’ Stati Membri oħra għandhom japplikaw id-dispożizjonijiet ta’ qabel dan ir-regolament biss għall-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Istat Membru li jkun qed iżomm il-lista uffiċjali.

(8) Għal kull reġistrazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi ta’ Stati Membri oħra f’lista uffiċjali jew għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom mill-korpi msemmija fis-subregolament (1), m’hemmx ħtieġa ta’ aktar xiehda jew stqarrijiet għajr dawk mitluba mingħand operaturi ekonomiċi nazzjonali u, f’kull każ, dawk biss li saret disposizzjoni għalihom fir-regolamenti 40 sa 44 u, jekk ikun il-każ, fir-regolament 45: Iżda, operaturi ekonomiċi minn Stati Membri oħra ma jistgħux ikunu obbligati jidħlu għal reġistrazzjoni jew ċertifikazzjoni bħal dawn sabiex jipparteċipaw f’kuntratt. L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jirrikonoxxu ċertifikati ekwivalenti maħruġa minn korpi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn. Huma għandhom ukoll jaċċettaw mezzi ta’ prova oħra ekwivalenti.

(9) L-operaturi ekonomiċi jistgħu fi kwalunkwe ħin japplikaw biex ikunu rreġistrati fuq lista uffiċjali jew biex jinħarġilhom ċertifikat. Huma għandhom ikunu mgħarrfa fi żmien raġonevolment qasir dwar id-deċiżjoni tal-awtorità li tfassal il-lista jew tal-korp kompetenti ta’ ċertifikazzjoni.

(10) Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni msemmija fis-subregolament (1) għandhom ikunu korpi li jikkonformaw mal-istandards ta’ ċertifikazzjoni Ewropej.

(11) L-Istati Membri li għandhom listi uffiċjali jew korpi ta’ ċertifikazzjoni kif imsemmi fis-subregolament (1) għandhom ikunu obbligati li jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-indirizz tal-korp li lilu l-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu.

Referenzi

Dan ir-regolament jirreferi għal

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.