L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti
Regolament 40. Is-sitwazzjoni personali tal-kandidat jew ta’ offerent
Sezzjoni 2 Kriterji għal għażla kwalitattiva
(1) Kull kandidat jew kull offerent li kien instab ħati b’sentenza definittiva, li tagħha hija konxja l-awtorità jew entità kontraenti, għal raġuni waħda jew aktar minn dawk elenkati hawn taħt, għandu jkun eskluż mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku:
(a) parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali kif definita fl-Artikolu 2(1), tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/733/ĠAI;
(b) korruzzjoni, kif definita rispettivament fl-Artikolu 3 tal-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 1997 li jistabbilixxi, fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 (2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 2(1) tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/742/ĠAI tat-22 ta’ Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-korruzzjoni fis-settur privat;
(ċ) frodi fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej;
(d) reat terroristiku jew reat marbut ma’ attivitajiet terroristiċi, kif definit rispettivament fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill (2002/475/ĠAI) jew inċitament, kompliċità, jew tentattiv biex jitwettaq reat, kif imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Qafas;
(e) ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill: Iżda id-Direttur jista’ jipprevedi deroga għall-obbligu msemmi f’dan is-subregolament għal esiġenzi ta’ interess ġenerali tal-akbar importanza.
(2) Għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-subregolament (1), l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jitolbu, jekk ikun il-każ, lill-kandidati jew offerenti biex jagħtu d-dokumenti msemmija fis-subregolament (6) u jistgħu, meta jkollhom xi dubji fuq is-sitwazzjoni personali ta’ dawn il-kandidati jew offerenti, jindirizzaw lill-awtoritajiet kompetenti biex jiksbu l-informazzjoni li jqisu meħtieġa dwar is-sitwazzjoni personali ta’ dawn il-kandidati jew offerenti.
(3) Fejn l-informazzjoni tikkonċerna kandidat jew offerent stabbilit fi Stat Membru ieħor barra dak tal-awtorità jew entità kontraenti, l-awtorità jew entità kontraenti tista’ titlob il-koperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.
(4) Jekk il-kandidati jew offerenti huma stabbilti f’Malta skont il-liġijiet nazzjonali, it-talbiet imsemmija f’dan ir-regolament għandhom ikunu relatati ma’ persuni ġuridiċi u, jew fiżiċi, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kapijiet ta’ intrapriża jew kwalunkwe persuna li jkollha s-setgħa ta’ rappreżentanza, ta’ deċiżjoni jew ta’ kontroll fir-rigward tal-kandidat jew ta’ offerent.
(5) Jista’ jkun eskluż mill-parteċipazzjoni fil-kuntratt, kwalunkwe operatur ekonomiku:
(a) li jkun falla, qed jiġi stralċjat, fejn l-affarijiet tiegħu qed jiġu amministrati mill-qrati, fejn ikun daħal f’arranġament mal-kredituri, fejn ikollu l-attività kummerċjali sospiża jew ikun f’sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili prevista fil-liġijiet jew fir-regolamenti nazzjonali;
(b) li huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment, ta’ ordni ta’ stralċ obbligatorju, jew amministrazzjoni mill-qrati jew ta’ arranġament mal-kredituri jew ta’ kwalunkwe proċedura simili prevista fil-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali;
(ċ) li nstab ħati ta’ reat li jirrigwarda l-imġiba professjonali tiegħu b’sentenza li għandha l-forza ta’ res judicata, skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż, bħal, pereżempju, il-ksur tal-leġislazzjoni kurrenti dwar l-esportazzjoni ta’ tagħmir ta’ difiża u, jew ta’ sigurtà;
(d) li hu ħati ta’ mġiba ħażina professjonali serja pprovata bi kwalunkwe mezz li l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġġustifikaw, bħalma hi, pereżempju, il-vjolazzjoni tal-obbligi tiegħu li jipprovdu s-sigurtà tal-informazzjoni jew is-sigurtà tal-provvista waqt kuntratt preċedenti;
(e) li jkun instab, permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ evidenza, inklużi sorsi ta’ data protetta, li ma kellux l-affidabbiltà meħtieġa biex jevita riskji għas-sigurtà nazzjonali;
(f) li ma ssodisfax l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn huwa stabbilit jew skont dawk tal-pajjiż tal-awtorità jew entità kontraenti;
(g) li ma ssodisfax l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas tat-taxxi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn huwa stabbilit jew skont dawk tal-pajjiż tal-awtorità jew entità kontraenti;
(h) li nstab ħati li għamel dikjarazzjonijiet foloz serji fl-għoti tal-informazzjoni meħtieġa fl-applikazzjoni ta’ din it-taqsima jew li ma tax din l-informazzjoni.
(6) Fejn l-awtorità kontraenti tinħtieġ prova mill-kandidat jew offerent li l-ebda każ imsemmi fis-subregolamenti (1) jew (2)(a), (b), (ċ), (f), u (g) ma japplikawx għall-operatur ekonomiku, hija għandha taċċetta bħala prova sħiħa, ċertifikat relevanti maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-provenjenza, li juri li dawn ir-rekwiżiti ġew sodisfatti.
(7) Meta ċ-ċertifikat imsemmi fis-subregolamenti (1) u (2)(a), (b), u (ċ) mhuwiex disponibbli, dan jista’ jiġi sostitwit minn dikjarazzjoni taħt ġurament jew dikjarazzjoni solenni magħmula mill-persuna interessata quddiem il-Kummissarju bis-setgħa li jagħti ġuramenti f’Malta jew quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew aministrattiva kompetenti, nutar jew korp professjonali kkwalifikat tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-provenjenza.
Regolament ta’ qabel
39 — Verifika tal-kapaċità tal-kandidati u għażla tal-parteċipanti, għoti ta’ kuntratt
Regolament li jmiss
41 — Idoneità għall-eżerċizzju tal-attività professjonali
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.