Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.03 · Taqsima I · Dispożizzjonijet Ġenerali

Regolament 12. Funzjonijiet tad-Direttur

Il-Kariga tad-Direttur tal-Kuntratti

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 27 ta’ Ġunju 2025. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) Kemm-il darba ma jiġix provdut xort’oħra f’dawn ir-regolamenti, id-Direttur tal-Kuntratti jkollu l-funzjoni:

(a) li jwettaq monitoraġġ fuq l-attivitajiet ta’ akkwisti pubbliċi bil-għan li jiżgura li dawn ir-regolamenti jiġu osservati u li jiżgura li r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet ta’ sorveljanza jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ mezzi xierqa ta’ informazzjoni;

(b) li jistabbilixxi u jirregola l-proċedura li għandha tiġi segwita matul il-laqgħat tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti, tal-Kumitat Speċjali tal-Kuntratti, tal-Kumitat tal-Kuntratti Dipartimentali u tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni, u waqt il-ħruġ u l-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal offerti, id-dħul tal-offerti, il-ftuħ tal-offerti, l-eżami tal-offerti u l-għoti ta’ kuntratti skont ir-regoli stabbiliti f’dawn ir-regolamenti;

(ċ) jikseb informazzjoni mingħand l-awtoritajiet elenkati fl-Iskeda 1 dwar l-għoti ta’ kuntratti li huwa jista’ jqis li jkun meħtieġ sabiex ikun jista’ jiżgura konformità ma’ dawn ir-regolamenti;

(d) li jipprovdi informazzjoni u gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, li jassisti awtoritajiet kontraenti u operaturi ekonimiċi, b’mod partikolari SMEs, fl-applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regolamenti;

(e) li jipprovdi appoġġ lil awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-ippjanar u t-twettiq ta’ proċeduri dwar akkwisti pubbliċi;

(f) li jagħti aċċess għal kuntratti pubbliċi ta’ provvisti jew kuntratti pubbliċi ta’ servizzi b’valur li jkun daqs jew jeċċedi miljun euro (€1,000,000) u kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi b’valur li jkun daqs jew jeċċedi għaxar miljun euro (€10,000,000) skont ir-regoli nazzjonali operattivi għall-aċċess tad-dokumenti u protezzjoni ta’ data: Iżda d-Direttur għandu jżomm dawn il-kuntratti mill-inqas għal kemm idumu fis-seħħ;

(g) li jippermetti koperazzjoni effettiva lil Stati Membri oħra li twassal għall-iskambju ta’ informazzjoni li d-Direttur ikun ġabar fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu sakemm dik l-informazzjoni tiġi skambjata bl-osservanza tal-leġislazzjoni ta’ Malta li tirregola dak l-iskambju ta’ informazzjoni;

(h) li jagħmel disponibbli lil Stati Membri oħra , fuq talba, kull informazzjoni li għandha x’taqsam mal-evidenza u dokumenti sottomessi skont ir-regolamenti 53(4) u (5), 54 u 55;

(i) li jħejji u jżomm lista ta’ persuni li jkunu ġew blacklisted; u

(j) li jagħmel disponibbli għal Stat Membru, meta din tkun ġiet mitluba, kull informazzjoni msemmija fit-Taqsimiet VI u VII.

(2) Meta d-Direttur jew id-delegat tiegħu jidentifikaw, b’inizjattiva tagħhom stess jew wara li jirċievu informazzjoni, ksur speċifiku jew problemi sistematiċi, huma jkollhom id-dritt jirrappurtaw dan lill-awtorità xierqa.

(3) Sabiex tiġi assigurata l-osservanza ta’ dawn ir-regolamenti, id-Direttur jista' joħroġ ordnijiet amministrattivi fejn jistabbilixxi kif il-proċeduri għall-akkwist, jew kuntratti pubbliċi, għandhom jiġu ppubblikati, amministrati, determinati u implimentati, skont kif jkun il-każ. Inter alia dawn l-ordnijiet amministrattivi jistgħu jinkludu istruzzjonijiet lid-Direttorat għall-Akkwist Settorjali u l-obbligu fuq l-awtoritajiet kontraenti li jissottomettu pjanijiet annwali għall-akkwist.

Emendat b’A.L. 56 tal-2021

Referenzi

Dan ir-regolament jirreferi għal

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.