L.S. 601.03 · Taqsima I · Dispożizzjonijet Ġenerali
Regolament 54. Tikketti
Limiti ta’ Żmien u Speċifikazzjonijiet Tekniċi
(1) Fejn awtoritajiet kontraenti u, jew l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jkollhom l-intenzjoni jixtru xogħlijiet, provvisti jew servizzi b’karatteristiċi speċifiċi ambjentali, soċjali jew oħrajn huma jistgħu, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fil-kriterji tal-għoti tal-kuntratt jew fil-kondizzjonijiet tal-prestazzjoni tal-kuntratt, jitolbu tikketta speċifika bħala mezz ta’ prova li x-xogħlijiet, is-servizzi jew il-provvisti jikkorrispondu għall-karatteristiċi rekwiżiti, dment li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:
(a) ir-rekwiżiti tat-tikketta jikkonċernaw biss kriterji li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt u huma adegwati sabiex jiddefinixxu l-karatteristiċi tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt;
(b) ir-rekwiżiti tat-tikketta huma bbażati fuq kriterji oġġettivi verifikabbli u mhux diskriminatorji;
(ċ) it-tikketti huma stabbiliti fi proċedura miftuħa u trasparenti li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-korpi pubbliċi, il-konsumaturi, l-imsieħba soċjali, il-manifatturi, id-distributuri u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;
(d) it-tikketti huma aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha;
(e) ir-rekwiżiti tat-tikketta huma stipulati minn parti terza li fuqha l-operatur ekonomiku li jkun qed japplika għat-tikketta ma jistax jeżerċita influwenza deċiżiva.
(2) Fejn awtoritajiet kontraenti u, jew l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa ma jeħtiġux li x-xogħlijiet, provvisti jew servizzi jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tat-tikketta, huma għandhom jindikaw ir-rekwiżiti tat-tikketta li qed issir referenza għalihom.
(3) L-awtoritajiet kontraenti u, jew l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa li jeħtieġu tikketta speċifika għandhom jaċċettaw it-tikketti kollha li jikkonfermaw li x-xogħlijiet, provvisti jew servizzi jissodisfaw rekwiżiti tat-tikketta ekwivalenti.
(4) Fejn operatur ekonomiku seta’ juri li ma għandux il-possibbiltà li jikseb it-tikketta speċifika indikata mill-awtorità kontraenti jew tikketta ekwivalenti fil-limiti taż-żmien rilevanti għal raġunijiet li mhumiex attribwibbli lil dak l-operatur ekonomiku, l-awtorità kontraenti għandha taċċetta mezzi adatti oħrajn ta’ prova, li jistgħu jinkludu dossier tekniku mill-manifattur, dment li l-operatur ekonomiku konċernat jagħti prova li x-xogħlijiet, provvisti jew servizzi li huwa għandu jipprovdi jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tikketta speċifika jew ir-rekwiżiti speċifiċi indikati mill-awtorità kontraenti.
(5) Fejn tikketta tissodisfa l-kondizzjonijiet speċifikati fis-subregolament (1)(b), (ċ), (d) u (e) iżda tistabbilixxi wkoll rekwiżiti mhux marbutin mas-suġġett tal-kuntratt, l-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jesiġu t-tikketta bħala tali iżda jistgħu jiddefinixxu l-ispeċifikazzjoni teknika b’referenza għal dawk tal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati ta’ dik it-tikketta, jew inkella, fejn dan ikun neċessarju, partijiet minnha li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt u li jkunu adegwati sabiex jiddefinixxu l-karatteristiċi ta’ dan is-suġġett.
Referenzi
Jirreferu għalih
Regolament ta’ qabel
53 — Speċifikazzjonijiet tekniċi
Regolament li jmiss
55 — Rapporti dwar testijiet, ċertifikazzjoni u mezzi oħra ta’ prova
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.