L.S. 601.03 · Taqsima I · Dispożizzjonijet Ġenerali
Regolament 53. Speċifikazzjonijiet tekniċi
Limiti ta’ Żmien u Speċifikazzjonijiet Tekniċi
(1) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif stabbiliti fid-dokumenti ta’ akkwist għandhom jistipulaw il-karatteristiċi meħtiega ta’ xogħol, servizz jew provvista.
(2) Dawk il-karatteristiċi jistgħu jirreferu wkoll għall-proċess jew metodu speċifiku tal-produzzjoni jew il-provvista tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi mitluba jew għal proċess speċifiku għal stadju ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu anke fejn tali fatturi ma jiffurmawx parti mis-sustanza materjali tagħhom dment li huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt u proporzjonali għall-valur u l-objettivi tiegħu.
(3) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jistgħu jispeċifikaw ukoll jekk hux ser ikun meħtieġ it-trasferiment tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
(4) Għall-akkwist kollu li hu maħsub għall-użu minn persuni fiżiċi, kemm jekk il-pubbliku ġenerali kif ukoll jekk il-persunal tal-awtorità kontraenti, dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jitfasslu b’mod li jikkunsidraw il-kriterji ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà jew ta’ disinn għall-utenti kollha.
(5) Fejn ir-rekwiżiti obbligatorji ta’ aċċessibbiltà huma adottati permezz ta’ att legali tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom, sa fejn ikunu kkonċernati l-kriterji ta’ aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà jew ta’ disinn għall-utenti kollha, jiġu definiti b’referenza għalihom.
(6) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali tal-operaturi ekonomiċi għall-proċedura ta’ akkwist u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu xkiel mingħajr ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni.
(7) Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:
(a) f’termini tar-rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni, inklużi l-karatteristiċi ambjentali, dejjem jekk il-parametri jkunu preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-offerenti jiddeterminaw is-suġġett tal-kuntratt u l-awtoritajiet kontraenti jitħallew jagħtu l-kuntratt;
(b) permezz ta’ referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, fl-ordni ta’ preferenza, għall-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards Ewropej, il-Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-istandards internazzjonali, sistemi ta’ referenzi tekniċi oħrajn stabbiliti mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew - fejn xi waħda minn dawk ma teżistix - l-istandards nazzjonali, l-approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mad-disinn, il-kalkolu u t-twettiq ta’ xogħlijiet u l-użu tal-provvisti; kull referenza għabdu jkollha fiha l-kliem ‘jew ekwivalenti’;
(ċ) f’termini ta’ rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni kif imsemmi fil-paragrafu (a), b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu (b) bħala mezz ta’ suppożizzjoni ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni;
(d) permezz ta’ referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu (b) għal ċerti karatteristiċi, u b’referenza għar-rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni msemmija fil-paragrafu (a) għal karatteristiċi oħrajn.
(8) Sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal marki kummerċjali, privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Din ir-referenza għandha tkun permessa fuq bażi eċċezzjonali, fejn ma tkunx possibbli deskrizzjoni preċiża u leġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont is-subregolament (3). Din ir-referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’.
(9) Fejn awtorità kontraenti tuża l-għażla li tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fis-subregolament (7)(b), ma għandhiex tiċħad offerta minħabba r-raġuni li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li għalihom ġiet sottomessa l-offerta ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li hi rreferiet għalihom, ladarba l-offerent jagħti prova fl-offerta tiegħu bi kwalunkwe mezz adegwat, inkluż il-mezz ta’ prova msemmi fir-regolament 232, li s-soluzzjonijiet proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’mod ekwivalenti.
(10) Fejn awtorità kontraenti tuża l-għażla stabbilita fis-subregolament (7)(a) li tifformula speċifikazzjonijiet tekniċi f’termini ta’ rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni, ma għandhiex tiċħad offerta għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi li jikkonformaw ma’ standard nazzjonali li jittrasponi standard Ewropew, approvazzjoni teknika Ewropea, speċifikazzjoni teknika komuni, standard internazzjonali jew sistema ta’ referenza teknika stabbilita minn entità ta’ standardizzazzjoni Ewropew, fejn dawk l-ispeċifikazzjonijiet jindirizzaw ir-rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni li hi tkun stabbilixxiet.
(11) Fl-offerta tiegħu, l-offerent għandu juri bi kwalunkwe mezz adegwat, inkluż dawk imsemmija fir-regolament 232, li x-xogħol, il-provvista jew is-servizz konformi mal-istandard jilħqu r-rekwiżiti rendiment jew ta’ funzjoni tal-awtorità kontraenti.
Fuq dan is-sit
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.