Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.03 · Taqsima I · Dispożizzjonijet Ġenerali

Regolament 7. Regolamenti mhumiex applikabbli

Applikabilità

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 27 ta’ Ġunju 2025. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) Dawn ir-regolamenti ma għandhomx japplikaw għal dawn li ġejjin:

(a) kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn li, skont ir-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali, huma mogħtija jew organizzati minn awtoritajiet kontraenti li jeżerċitaw waħda jew iżjed mill-attivitajiet imsemmija fir-regolamenti 8 sa 14 ta’ dawk ir-Regolamenti u li jingħataw għat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet;

(b) kuntratti pubbliċi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali taħt ir-regolamenti 18, 23 u 34 tagħhom;

(ċ) kuntratti pubbliċi li jingħataw minn awtorità kontraenti li tipprovdi servizzi postali skont it-tifsira tal-paragrafu (b) tar-regolament 13(2) tar-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali, għal kuntratti mogħtija għat-twettiq tal-attivitajiet li ġejjin:

(i) servizzi b’valur miżjud marbuta ma’ u mogħtija għal kollox permezz ta’ mezzi elettroniċi inklużi t-trasmissjoni sigura ta’ dokumenti kodifikati permezz ta’ mezzi elettroniċi, servizzi ta’ ġestjoni tal-indirizzi u trasmissjoni ta’ posta elettronika rreġistrata;

(ii) servizzi finanzjarji li huma koperti mill-kodiċi CPV 66100000-1 sa 66720000-3 u mill-punt (d) tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/25/UE u inkluż b’mod partikolari servizz ta’ ordnijiet postali ta’ flus u trasferimenti postali tal-kontijiet ġiro;

(iii) servizzi filateliċi; jew

(iv) servizzi loġistiki (servizzi li jikkombinaw twassil fiżiku u, jew magazzinaġġ ma’ funzjonijiet oħra mhux postali);

(d) kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn għall-iskop ewlieni li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jipprovdu jew jagħmlu użu min-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet jew biex jipprovdu wieħed jew aktar servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku;

(e) kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn li l-awtorità kontraenti hija obbligata li tagħti jew torganizza f’konformità mal-proċeduri ta’ akkwist differenti minn dawk stipulati f’dawn ir-regolamenti stabbiliti minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i) strument legali li joħloq obbligi legali internazzjonali, bħal ftehim internazzjonali konkluż b’konformità mat-Trattati bejn Stat Membru u pajjiż terz wieħed jew aktar jew suddiviżjonijiet tiegħu jew tagħhom u li jkopri xogħlijiet, provvisti jew servizzi maħsuba għall-implimentazzjoni jew l-esplojtazzjoni konġunta ta’ proġett mill-firmatarji tagħhom;

(ii) organizzazzjoni internazzjonali: Iżda qabel ma tagħmel użu mill-esklużjoni identifikata fis-subparagrafu (i), awtorità kontraenti għandha tikkomunika l-istrumenti legali kollha hemm imsemmija lill-Kummissjoni;

(f) kuntratti pubbliċi jew kompetizzjonijiet ta’ disinn li l-awtorità kontraenti tagħti jew torganizza skont regoli ta’ akkwist pprovduti minn organizzazzjoni internazzjonali jew istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, fejn il-kuntratti pubbliċi jew il-kompetizzjonijiet ta’ disinn kkonċernati huma kompletament iffinanzjati minn dik l-organizzazzjoni jew istituzzjoni. Fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi u kompetizzjonijiet ta’ disinn li huma ko-finanzjati fil-parti l-kbira minn organizzazzjoni internazzjonali jew istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, il-partijiet għandhom jaqblu dwar il-proċeduri ta’ akkwist applikabbli;

(g) kuntratti pubbliċi għall-akkwist jew il-kiri, permezz ta’ mezzi finanzjarji, ikunu x’ikunu, ta’ art, bini eżistenti, jew proprjetà immobbli oħra jew drittijiet konċernati fuqhom;

(h) kuntratti pubbliċi għall-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ materjal għall-programm maħsuba għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva jew servizzi tal-midja radjofoniċi, li huma mogħtija minn fornituri ta’ servizzi tal-midja awdjoviżivi jew radjofoniċi, jew kuntratti għal ħin ta’ xandir jew il-forniment ta’ programmi li jingħataw lill-fornituri tas-servizz tal-midja awdjoviżivi jew radjofoniċi;

(i) servizzi ta’ arbitraġġ u ta’ konċiljazzjoni;

(j) rappreżentanza legali ta’ klijent minn avukat fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati:

(i) f’arbitraġġ jew f’konċiljazzjoni li ssir fi Stat Membru, pajjiż terz jew quddiem istanza internazzjonali ta’ arbitraġġ jew konċiljazzjoni;

(ii) proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-qrati nazzjonali, tribunali jew awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew, pajjiż terz jew quddiem qrati, tribunali jew istituzzjonijiet internazzjonali;

(k) parir legali mogħti bi tħejjija għal kwalunkwe wieħed mill-proċedimenti msemmija fil-paragrafu (j) ta’ dan is-subregolament jew meta jkun hemm indikazzjoni tanġibbli u probabbiltà għolja li l-kwistjoni li dwarha jingħata l-parir issir is-suġġett ta’ tali proċedimenti, dment li l-parir jingħata minn avukat fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/249/KEE biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati;

(l) servizzi ta’ ċertifikazzjoni u awtentifikazzjoni ta’ dokumenti li għandhom jingħataw minn nutara;

(m) servizzi legali mogħtija minn trustees jew, gwardjani maħturin jew servizzi legali oħrajn li fornituri tagħhom huma nnominati minn qorti jew tribunal fl-Istat Membru kkonċernat jew huma mfassla minn liġi biex twettaq kompiti speċifiċi taħt is-superviżjoni ta’ tali tribunali u qrati;

(n) servizzi legali oħrajn li huma konnessi, ukoll b’mod okkażjonali, mal-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali;

(o) is-servizzi finanzjarji marbuta mal-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta’ titoli jew strumenti finanzjarji oħra skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda is-servizzi tal-bank ċentrali u l-operazzjonijiet imwettqa mal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà;

(p) self, sew jekk marbut mal-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta’ titoli jew strumenti finanzjarji oħra kif ukoll jekk le;

(q) kuntratti ta’ impjieg;

(r) id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikli li huma pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li huma koperti mill-kodiċi CPV 75250000-3, 75251000-0, 75251100-1, 75251110-4, 75251120-7, 75252000-7, 75222000-8, 98113100-9 u 85143000-3 ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi;

(s) servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija jew bil-metro;

(t) servizzi ta’ kampanji politiċi, koperti mill-kodiċi CPV 79341400-0, 92111230-3 u 92111240-6, meta mogħtija minn partit politiku fil-kuntest ta’ kampanja elettorali;

(u) kuntratti pubbliċi ta’ servizzi mogħtija minn awtorità kontraenti lil awtorità kontraenti oħra jew li xi assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet kontraenti fuq il-bażi ta’ dritt esklussiv li huma jgawdu skont liġi, regolament amministrattiv jew dispożizzjoni amministrattiva ppubblikata li tkun kompatibbli mat-TFUE;

(v) kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal servizzi ta’ riċerka u żvilupp, ħlief dawk li huma koperti bil-kodiċi CPV (Vokabolarju Komuni dwar l-Akkwisti Pubbliċi) 73000000-2 sa 73120000-9, 73300000-5, 73420000-2 u 73430000-5 u li l-benefiċċji tagħhom ikunu dovuti esklussivament lill-awtorità kontraenti għall-użu tagħha fit-twettiq tan-negozju proprju, bil-kundizzjoni li s-servizz ipprovdut huwa kompletament remunerat mill-awtorità kontraenti;

(w) kuntratti pubbliċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà u dawk il-kuntratti li huma esklużi skont ir-regolamenti 9(1), 12 u 13 tar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà;

(x) kuntratti pubbliċi u kompetizzjonijiet ta’ disinn li mhumiex eżentati skont il-paragrafu (w) sal-punt li l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Malta ma tkunx tista’ tiġi ggarantita permezz ta’ miżuri inqas intrużivi, pereżempju bl-impożizjoni ta’ rekwiżiti mmirati għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni li l-awtorità kontraenti tagħmel disponibbli fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt kif previst f’dawn ir-regolamenti;

(y) kuntratti pubbliċi u kompetizzjonijiet ta’ disinni li mhumiex eżentati taħt il-paragrafu (w) sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti tobbliga lil Malta biex tagħti informazzjoni li hi tqis l-iżvelar tagħha bħala jmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha;

(z) l-akkwist u t-twettiq tal-kuntratt pubbliku jew kompetizzjoni ta’ disinn huma ddikjarati bħala sigrieti jew huma akkumpanjati minn miżuri ta’ sigurtà speċjali skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ f’Malta, dment li l-interessi essenzjali kkonċernati ma jistgħux jiġu ggarantiti minn miżuri inqas intrużivi, bħal dawk imsemmija fil-paragrafi (x) u (y);

(aa) kuntratti pubbliċi u kompetizzjonijiet ta’ disinn li jinvolvu aspetti ta’ difiża jew sigurtà li l-awtorità kontraenti hija obbligata li tagħti jew torganizza f’konformità mal-proċeduri ta’ akkwist differenti minn dawk stipulati f’dawn ir-regolamenti stabbiliti minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i) ftehim jew arranġament internazzjonali konkluż b’konformità mat-Trattati, bejn Stat Membru u pajjiż terz wieħed jew aktar jew suddiviżjonijiet tiegħu jew tagħhom u li jkopri xogħlijiet, provvisti jew servizzi maħsuba għall-implimentazzjoni jew l-esplojtazzjoni konġunti ta’ proġett mill-firmatarji tagħhom;

(ii) ftehim jew arranġament internazzjonali dwar l-istazzjonar ta’ truppi u li jikkonċernaw l-impriżi ta’ Stat Membru jew pajjiż terz;

(iii) organizzazzjoni internazzjonali: Iżda l-ftehim jew l-arranġamenti kollha msemmija fis-subparagrafu (i) għandhom jiġu komunikati lill-Kummissjoni, li tista’ tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv dwar Akkwisti Pubbliċi;

(bb) kuntratti pubbliċi jew kompetizzjonijiet ta’ disinn li jinvolvu aspetti ta’ difiża jew sigurtà li l-awtorità kontraenti tagħti skont regoli ta’ akkwist pprovduti minn organizzazzjoni internazzjonali jew istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, fejn il-kuntratti pubbliċi jew il-kompetizzjonijiet ta’ disinn kkonċernati huma kompletament ffinanzjati minn din l-organizzazzjoni jew istituzzjoni. Fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi u kompetizzjonijiet ta’ disinn li huma ko-finanzjati fil-parti l-kbira minn organizzazzjoni internazzjonali jew istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, il-partijiet għandhom jaqblu dwar il-proċeduri ta’ akkwist applikabbli;

(ċċ) l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali;

(dd) akkwist pubbliku mwettaq skont ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku b’Emerġenza.

(2) Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament:

"servizzi tal-midja awdjoviżiva" għandu jkollha l-istess tifsira skont il-punt (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ certi dispozizzjonijiet stabbiliti bil-ligi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviziva;

"servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi" għandu jkollha l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi;

"fornituri ta’ servizzi tal-media" għandu jkollha l-istess tifsira bħal dik fil-punt (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ certi dispozizzjonijiet stabbiliti bil-ligi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviziva;

"programm" għandu jkollha l-istess tifsira bħal dik skont il-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ certi dispozizzjonijiet stabbiliti bil-ligi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviziva, u għandha tinkludi wkoll programmi tar-radju u materjal tal-programm;

"materjal tal-programm" għandu jkollha l-istess tifsira bħall-kelma "programm";

"netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet" għandu jkollha l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi.

(3) Kuntratti u kompetizzjonijiet ta’ disinn li jinvolvu aspetti ta’ difiża jew sigurtà li jingħataw jew huma organizzati skont regoli internazzjonali għandhom jiġu regolati bis-subregolament (1)(aa) and (bb).

Emendat b’A.L. 155 tal-2017

Imsemmi fil-marġniL.S. 601.05 · L.S. 601.07 · L.S. 601.08

Referenzi

Dan ir-regolament jirreferi għal

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.