L.S. 601.03 · Taqsima I · Dispożizzjonijet Ġenerali
Regolament 8. Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku
Applikabilità
(1) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-regolament 111(3), kuntratt pubbliku li jkollu valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 9(1)(b), mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika regolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;
(b) aktar minn 80% tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u
(ċ) ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata. Iżda awtorità kontraenti għandha titqies li teżerċita kontroll fuq persuna ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont it-tifisira tal-paragrafu (a) meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata. Tali kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti.
(2) Id-dispożizzjonijiet tas-subregolament (1) japplikaw ukoll fejn persuna ġuridika kkontrollata, li hija awtorità kontraenti, tagħti kuntratt lill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha, jew lil xi persuna ġuridika kkontrollata mill-istess awtorità kontraenti, sakemm ma jkun hemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika li tingħatalha l-kuntratt pubbliku bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati rikjesti mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva dwar il-persuna ġuridika.
(3) Awtorità kontraenti, li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika regolata mid-dritt privat jew pubbliku skont it-tifsira tas-subregolament (1), xorta waħda tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil dik il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika dawn ir-regolamenti meta jiġu sodisfatti il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) l-awtorità kontraenti teżerċita b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħrajn kontroll fuq dik il-persuna ġuridika li huwa simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess;
(b) aktar minn 80% tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati mill-istess awtoritajiet kontraenti; u
(ċ) ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali applikabbli, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.
(4) Għall-finijiet tas-subregolament (3)(a), l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw kontroll konġunt fuq persuna ġuridika meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kolha li ġejjin:
(a) il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmula minn rappreżentanti ta’ kull awtorità kontraenti parteċipanti. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha, jew diversi minnhom;
(b) dawk l-awtoritajiet kontraenti huma kapaċi jeżerċitaw flimkien influwenza deċiżiva fuq l-objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata; u
(ċ) il-persuna ġuridika kkontrollata ma ssegwi l-ebda interess li jmur kontra minn dak tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll.
(5) Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu huma mogħtija biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom;
(b) l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hi regolata unikament minn konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku; u
(ċ) l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20% tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.
(6) Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmija fis-subregolamenti (1)(b), (3)(b) u (5)(ċ), għandu jittieħed kont tal-fatturat totali medju, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet mġarrba minn persuna ġuridika rilevanti jew awtorità kontraenti fir-rigward ta’ servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin li jippreċedu l-għoti tal-kuntratt.
(7) Fejn, minħabba d-data li fiha nħolqot il-persuna ġuridika rilevanti jew l-awtorità kontraenti jew meta bdew l-attivitajiet jew minħabba riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, il-fatturat, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet, jew ma humiex disponibbli għat-tliet snin preċedenti jew m’għadhomx aktar rilevanti, ikun biżżejjed li jintwera li l-kejl ta’ attività hu kredibbli, b’mod partikolari permezz ta’ projezzjonijiet tan-negozju.
Regolament ta’ qabel
7 — Regolamenti mhumiex applikabbli
Regolament li jmiss
9 — Amministrazzjoni tal-proċess
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.