L.S. 601.03 · Taqsima I · Dispożizzjonijet Ġenerali
Regolament 25. Akkwisti pubbliċi li jinvolvu awtoritajiet kontraenti minn Stati Membri differenti
Attivitajiet ta’ Akkwist Ċentralizzat u Akkwist Konġunt
(1) Awtorità kontraenti tista’, bl-approvazzjoni tad-Direttur u bla ħsara għall-kondizzjonijiet li dan tal-aħħar jista’ jimponi, tieħu sehem fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jinvolvi awtoritajiet kontraenti minn Stati Membri differenti.
(2) Meta l-valur stmat tal-akkwist pubbliku konġunt jaqa’ taħt il-limitu stabbilit fir-regolament 9(1)(b) l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tkun soġġetta għal dak li hu stabbilit bir-regolament 8.
(3) Awtorità kontraenti tista’ tagħmel użu minn attivitajiet ta’ akkwist ċentralizzat offereti minn korpi ta’ akkwist ċentralizzat li jinsabu fi Stat Membru ieħor: Iżda awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jużaw il-mezzi previsti f’dan ir-regolament għall-fini li tkun evitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji tad-dritt pubbliku f’konformità mad-dritt tal-Unjoni li għalih ikunu soġġetti fl-Istat Membru tagħhom.
(4) Il-provvista tal-attivitajiet ċentralizzati ta’ akkwisti minn korp ċentrali għall-akkwisti li jinsab fi Stat Membru ieħor għandha titmexxa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsab il-korp ċentrali għall-akkwisti.
(5) Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsab il-korp ċentrali għall-akkwisti għandhom japplikaw ukoll għal dan li ġej:
(a) l-għoti ta’ kuntratt taħt sistema dinamika tax-xiri;
(b) it-tmexxija ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ kompetizzjoni taħt ftehim qafas;
(ċ) id-determinazzjoni, skont il-paragrafi (a) jew (b) tar-regolament 173(2), ta’ liema mill-operaturi ekonomiċi, li huma partijiet fil-ftehim qafas, għandu jwettaq kompitu partikolari.
(6) Diversi awtoritajiet kontraenti minn Stati Membri differenti jistgħu jagħtu kuntratt pubbliku, jikkonkludu ftehim qafas jew joperaw sistema dinamika tal-akkwist b’mod konġunt.
(7) Diversi awtoritajiet kontraenti minn Stati Membri differenti jistgħu wkoll, sal-punt stipulat fir-regolament 170, jagħtu kuntratti fuq il-bażi tal-ftehim qafas jew tas-sistema dinamika tal-akkwist.
(8) Sakemm l-elementi neċessarji ma jkunux ġew regolati minn ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri kkonċernati, l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti għandhom jikkonkludu ftehim li jiddetermina:
(a) ir-responsabbiltajiet tal-partijiet u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli rilevanti;
(b) l-organizzazzjoni interna tal-proċedura ta’ akkwist, inklużi l-ġestjoni tal-proċedura, it-tqassim tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li jridu jiġu akkwistati, u l-konklużjoni tal-kuntratti.
(9) Awtorità kontraenti parteċipanti tissodisfa l-obbligi tagħha skont dawn ir-regolamenti meta tixtri xogħlijiet, provvisti u servizzi mingħand awtorità kontraenti li tkun responsabbli mill-proċedura ta’ akkwist.
(10) Fid-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-liġi nazzjonali applikabbli kif imsemmi fis-subregolament (8)(a), l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jistgħu jallokaw responsabbiltajiet speċifiċi beiniethom u jiddeterminaw id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali rispettiva tagħhom.
(11) L-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet u l-liġi nazzjonali applikabbli għandhom jissemmew fid-dokumenti ta’ akkwist għall-kuntratti pubbliċi li jingħataw b’mod konġunt.
(12) Fejn diversi awtoritajiet kontraenti minn Stati Membri differenti waqqfu entità konġunta, inklużi r-Raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ koperazzjoni territorjali (REKT) jew entitajiet oħra stabbilti skont il-liġi tal-Unjoni, l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti għandhom, permezz ta’ deċiżjoni tal-korp kompetenti tal-entità konġunta, jaqblu dwar ir-regoli tal-akkwisti nazzjonali applikabbli ta’ wieħed mill-Istati Membri li ġejjin:
(a) id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-entità konġunta għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha;
(b) id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-entità konġunta qed twettaq l-attivitajiet tagħha.
(13) Il-ftehim imsemmi fis-subregolament (12) jista’ jew japplika għal perjodu indeterminat, fejn dan ikun stabbilit fl-att kostituttiv tal-entità konġunta, jew jista’ jiġi limitat għal ċertu perijodu ta’ żmien, għal ċerti tipi ta’ kuntratti jew għal għotja ta’ kuntratt individwali waħda jew aktar.
(14) Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, awtoritajiet kontraenti elenkati fl-Iskeda 3 ma għandhomx bżonn tal-approvazzjoni minn qabel tad-Direttur imma l-kunsens bil-miktub tal-kap ta’ dik l-istess awtorità kontraenti jkun biżżejjed.
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.