L.S. 601.03 · Taqsima VIII · Twettiq tal-Kuntratti
Regolament 261. Terminazzjoni ta’ kuntratti
Terminazzjoni ta’ Kuntratti
(1) L-awtoritajiet kontraenti jistgħu inter alia jitterminaw kuntratt pubbliku matul it-terminu tiegħu, meta:
(a) il-kuntratt kien soġġett għal modifika sostanzjali, li kienet tkun teħtieġ proċedura ġdida ta’ akkwist skont ir-regolament 246;
(b) il-kuntrattur kien, fil-ħin tal-għoti tal-kuntratt, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fir-regolament 192 u għalhekk kellu jiġi eskluż mill-proċedura ta’ akkwist;
(ċ) il-kuntratt ma kellux jingħata lill-kuntrattur fid-dawl ta’ ksur serju tal-obbligi skont it-Trattati u d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE li ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċedura skont l-Artikolu 258 tat-TFUE;
(d) il-kuntrattur jonqos milli josserva xi obbligu li hu jkun daħal għalih.
(2) Jekk l-awtorità kontraenti ma għandhiex raġuni tajba għat-terminazzoni, hi għandha tħallas biss lill-kuntrattur għall-ispejjeż u xogħlijiet kollha tiegħu flimkien ma’ somma li tiġi meqjusa mill-qorti, skont iċ-ċirkustanzi, iżda mhux iżjed mill-qligħ li l-kuntrattur seta’ jagħmel mill-kuntratt.
(3) Jekk l-awtorità kontraenti għandha raġuni tajba għat-terminazzjoni, hi għandha tħallas lill-kuntrattur dik is-somma biss li ma tkunx iżjed mill-valur tal-ispejjez u x-xogħliijet tal-kuntrattur li attwalment huwa jagħti provi tagħhom.
(4) Kull ħlas magħmul bil-quddiem lill-kuntrattur qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt għandu jiġi applikat għal somom dovuti skont is-subregolamenti (2) jew (3) u l-kuntrattur għandu jrodd luri kull ħlas żejjed li jirriżulta lill-awtorità kontraenti.
(5) Il-kuntratt jinħall minnufih malli l-awtorità kontraenti tinforma lill-kuntrattur, b’kull mezz li jkun, bid-deċiżjoni tagħha li tħoll il-kuntratt, u dan bla ħtieġa ta’ aktar awtorità jew konferma mill-qorti jew bord.
(6) Awtoritajiet kontraenti li jaqgħu taħt l-Iskeda 16 għandhom, safejn is-sejħa għall-offerti ġiet ippubblikata mid-Direttorat għall-Akkwist Settorjali, jiksbu l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti tagħhom qabel ma jitterminaw il-kuntratt.
(a) Id-Direttur tal-Kuntratti għandu d-dritt ukoll li joħroġ deċiżjoni li biha jħassar kull kuntratt jew ftehim li seta’ sar u ġie ffirmat ma’ kuntrattur jekk jinstab illi l-għoti ta’ dak il-kuntratt lil dak il-kuntrattur, ikun sar bi ksur ta’ dawn ir-regolamenti jew inkella b’diskriminazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi.
(b) Id-deċiżjoni li twassal għat-tħassir tal-kuntratt skont dan is-subregolament għandha issir bil-miktub u jrid ikun fiha s-sejbiet u r-raġunijiet.
(ċ) Kopja ta’ din id-deċiżjoni trid titwassal għand il-kuntrattur, li jkollu d-dritt li jikkontestha billi jressaq ilment quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni kif imfisser fir-regolament 283.
(d) Sakemm ikun għaddej iż-żmien sabiex jiġu ppreżentati lmenti quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni jew il-Qorti tal-Appell u sakemm idumu għaddejjin dawn il-proċeduri, id-deċiżjoni għat-tħassir tal-kuntratt tibqa’ sospiża;
(e) Kuntrattur ma jkollu dritt għall-ebda kumpens għal telf attwali jew għal telf ta’ qligħ f‘każ li d-deċiżjoni tat-tħassir tal-kuntratt tiġi kkonfermata, għalkemm il-kuntrattur ikollu d-dritt li jirċievi l-kumpens li jistħoqqlu minħabba x-xogħol li huwa juri li jkun laħaq wettaq.
Emendat b’A.L. 56 tal-2021
Referenzi
Jirreferu għalih
Skedi li jirreferi għalihom
Regolament ta’ qabel
260 — Entitajiet elenkati fl-Iskeda 3 u awtoritajiet mniżżla fl-Iskeda 16
Regolament li jmiss
262 — Rimedji qabel id-data tal-għeluq ta’ sejħa għal kompetizzjoni
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.