Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.03 · Taqsima IV · Tipi ta’ Proċeduri ta’ Akkwist

Regolament 164. Prinċipji dwar l-għoti ta’ kuntratti

Kuntratti Riżervati u Kuntratti għal Servizzi Soċjali u Servizzi Speċifiċi Oħrajn

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 27 ta’ Ġunju 2025. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiddeterminaw fid-dokumenti tal-akkwist rispettivi r-regoli proċedurali applikabbli fir-rigward ta’ sejħa għal offerti bla ħsara għal dak li hu msemmi fir-regolamenti koperti minn din it-Taqsima.

(2) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw li l-proċeduri msemmija fis-subregolament (1) jikkonformaw adegwatament mal-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi.

(3) Fl-implimentazzjoni tas-subregolamenti (1) u (2) l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jqisu l-ispeċifikazzjonijiet tas-servizzi inkwistjoni.

(4) Awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw li l-proċeduri identifikati fis-subregolament (1) ikunu raġonevoli u proporzjonati, b’mod partikolari li l-limiti ta’ żmien permessi għas-sottomissjoni tal-offerta jkunu suffiċjenti biex l-offerenti jkunu jistgħu jagħmlu offerta.

(5) Meta jistabbilixxu l-proċeduri msemmija fis-subregolament (1) l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet stabbiliti taħt din it-Taqsima, ukoll jiddeċiedu li japplkaw r-regolamenti stabbiliti għal proċeduri ta’ akkwist oħrajn.

(6) Fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti li huma s-suġġett ta’ dawn ir-regolamenti, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jqisu l-ħtieġa li jiżguraw il-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività tas-servizzi, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji differenti ta’ utenti, inklużi l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, l-involviment u s-setgħa tal-utenti u l-innovazzjoni.

(7) Awtoritajiet kontraenti jistgħu jipprovdu wkoll li l-għażla tal-fornitur tas-servizzi għandha ssir abbażi tal-offerta li toffri l-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità, b’teħid fil-kont tal-kwalità u l-kriterji tas-sostenibbiltà għas-servizzi soċjali.

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.