Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.09 · Skedi

Skeda 4. Attivitajiet eżerċitati minn Entitajiet Kontraenti

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 17 ta’ Mejju 2024. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti li jirregolaw konċessjonijiet mogħtija minn entitajiet kontraenti għandhom japplikaw għall-attivitajiet li ġejjin:

1. Fir-rigward tal-gass u t-tisħin: :

(a) il-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks fissi maħsuba biex jipprovdu servizz lill-pubbliku b’rabta mal-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni ta’ gass jew tisħin;

(b) il-provvista ta’ gass jew tisħin lil dawn in-netwerks.

Il-provvista minn entità kontraenti kif imfissra fir-regolamenti 2(2)(b) u (ċ) ta’ gass jew tisħin lil netwerks fissi li jipprovdu servizz lill-pubbliku m’għandhiex titqies li hija attività rilevanti skont it-tifsira tal-paragrafu 1 fejn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

(i) il-produzzjoni ta’ gass jew tisħin minn dik l-entità kontraenti hija l-konsegwenza inevitabbli li tirriżulta mit-twettiq ta’ attività apparti dawk imsemmija f’dan il-paragrafu jew fil-paragrafi 2 u 3 ta’ din l-Iskeda;

(ii) il-provvista lin-netwerk pubbliku għandha l-għan biss li tisfrutta ekonomikament dik il-produzzjoni u tammonta għal mhux aktar minn għoxrin fil-mija tal-fatturat ta’ dik l-entità kontraenti abbażi tal-medja fuq it-tliet snin preċedenti, inkluża s-sena kurrenti.

Għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti, "provvista" tinkludi l-ġenerazzjoni/produzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa u l-bejgħ bl-imnut ta’ gass. Madankollu, il-produzzjoni ta’ gass fil-forma ta’ estrazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 4 ta’ din l-Iskeda.

2. Fir-rigward tal-elettriku:

(a) il-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks fissi maħsuba biex jipprovdu servizz lill-pubbliku b’rabta mal-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni tal-elettriku;

(b) il-provvista tal-elettriku lil dawk in-netwerks fissi.

Għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti, il-provvista tal-elettriku tinkludi l-ġenerazzjoni/produzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa u l-bejgħ bl-imnut ta’ elettriku.

Il-provvista minn entità kontraenti msemmija fil-paragrafi (b) u (ċ) tat-tifsira "entità kontraenti" fir-regolament 2(2) tal-elettriku lin-netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku m’għandhiex titqies li hija attività rilevanti skont it-tifsira tal-paragrafu 1 ta’ din l-Iskeda fejn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a) il-produzzjoni tal-elettriku minn dik l-entità kontraenti sseħħ minħabba li l-konsum tiegħu huwa meħtieġa għat-twettieq ta’ attività oħra minbarra dawk imsemmija f’dan il-paragrafu jew fil-paragrafi 1 u 3 ta’ din l-Iskeda;

(b) il-provvista lin-netwerk pubbliku tiddependi biss mill-konsum ta’ dik l-entità kontraenti stess u ma tkunx qabżet it-tletin fil-mija tal-produzzjoni totali ta’ enerġija ta’ dik l-entità kontraenti, abbażi tal-medja fuq it-tliet snin preċedenti, inkluża s-sena kurrenti.

3. Attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, sistemi awtomatizzati, bit-trammijiet, trolley bus, karozza tal-linja jew kejbil.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tat-trasport, netwerk għandu jiġi kkunsidrat li hu stabbilit fejn is-servizz ikun ipprovdut f’kundizzjonijiet ta’ tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti, bħal kundizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li għandha tkun disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.

4. Attivitajiet marbuta mal-esplojtazzjoni ta’ żona ġeografika għall-fini ta’ forniment ta’ ajruporti u portijiet marittimi jew interni jew faċilitajiet terminali oħrajn lill-operaturi tal-ajru, tal-baħar jew fuq l-ilmijiet interni.

5. Attivitajiet relatati mal-forniment ta’:

(a) servizzi postali;

(b) servizzi oħra għajr servizzi postali, bil-kundizzjoni li dawn is-servizzi huma pprovduti minn entità li tipprovdi wkoll servizzi postali skont it-tifsira tas-subparagrafu (ii) u dment li l-kundizzjonijiet stipulati fir-regolament 27 tar-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali ma jkunux sodisfatti fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt is-subparagrafu (ii).

Għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti u mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 97/67/UE:

(i) "oġġett postali" tfisser oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha għandu jinġarr, irrispettivament mit-toqol. Minbarra l-oġġetti ta’ korrispondenza, dawn l-oġġetti jinkludu wkoll pereżempju kotba, katalogi, gazzetti, perjodiċi u pakketti postali li jkun fihom merkanzija b’valur kummerċjali jew mingħajru, irrispettivament mit-toqol;

(ii) "servizzi postali" tfisser servizzi li jikkonsistu fil-ġbir, l-issortjar, il-ħruġ u t-tqassim ta’ oġġetti postali. Dan għandu jinkludi kemm is-servizzi li jaqgħu fi ħdan, kif ukoll is-servizzi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz universali stabbilit f’konformità mad-Direttiva 97/67/KE;

(iii) "servizzi oħra għajr servizzi postali" tfisser servizzi pprovduti fl-oqsma li ġejjin:

- servizzi ta’ ġestjoni tas-servizzi tal-posta (servizzi li jseħħu kemm qabel kif ukoll wara d-dispaċċ, inklużi "servizzi ta’ ġestjoni tal-kamra tal-posta"),

- servizzi li jikkonċernaw oġġetti postali li mhumiex inklużi fis-subparagrafu (a), bħall-posta diretta mhux immarkata b’indirizz.

6. Attivitajiet marbuta mal-esplojtazzjoni ta’ żona ġeografika għall-fini ta’:

(a) estrazzjoni ta’ żejt jew gass;

(b) esplorazzjoni għal, jew estrazzjoni ta’ faħam jew fjuwils solidi oħra.

Regolamenti li jirreferu għal din l-Iskeda

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.