Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.09 · Taqsima I · Dispożizzjonijiet Ġenerali

Regolament 5. Nuqqas ta’ applikazzjoni għal konċessjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti

Applikabbiltà

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 17 ta’ Mejju 2024. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) Dawn ir-regolamenti m’għandhomx japplikaw għal:

(a) konċessjonijiet ta’ servizzi mogħtija lill-awtorità kontraenti jew lil entità kontraenti kif imsemmi fir-regolament 2(2)(a) jew lil assoċjazzjoni tagħhom fuq bażi ta’ dritt esklużiv;

(b) konċessjonijiet ta’ servizzi mogħtija lil operatur ekonomiku abbażi ta’ dritt esklużiv li jkun ingħata skont it-TFUE u atti legali tal-Unjoni li jistabbilixxu regoli komuni għal aċċess għas-suq applikabbli għall-attivitajiet msemmija fl-Iskeda 4: Iżda fejn leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni msemmija f’dan il-paragrafu ma tipprevedix obbligi ta’ trasparenza speċifiċi għas-settur, għandu japplika r-regolament 96: Iżda wkoll fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tagħti dritt esklużiv, b’valur stmat li jilħaq jew jaqbeż il-limitu stabbilit fl-Iskeda 3, lil operatur ekonomiku għall-eżerċizzju ta’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Iskeda 4, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tinforma lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahar wara l-għoti ta’ dak id-dritt eslużiv;

(ċ) konċessjonijiet ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru bbażati fuq l-għoti ta’ liċenzja operattiva fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) jew għal konċessjonijiet għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007;

(d) konċessjonijiet li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti hija obbligata tagħti jew torganizza f’konformità ma’ proċeduri li jkunu differenti minn dawk stipulati f’dawn ir-regolamenti stabbiliti minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i) strument legali li joħloq obbligi legali internazzjonali, bħal ftehim internazzjonali konkluż f’konformità mat-TFUE bejn Stat Membru u pajjiż terz wieħed jew aktar jew subdiviżjonijiet tiegħu jew tagħhom u li jkopri xogħlijiet, provvisti jew servizzi maħsuba għall-implimentazzjoni jew l-isfruttament konġunt ta’ proġett mill-firmatarji tagħhom;

(ii) organizzazzjoni internazzjonali.

(e) konċessjonijiet li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tagħti skont regoli ta’ akkwist previsti minn organizzazzjoni internazzjonali jew istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, fejn il-konċessjonijiet ikkonċernati jkunu ffinanzjati kompletament minn dik l-organizzazzjoni jew istituzzjoni. Fil-każ ta’ konċessjonijiet ikkofinanzjati fil-parti l-kbira minn organizzazzjoni internazzjonali jew istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, il-partijiet għandhom jaqblu dwar il-proċeduri applikabbli tal-akkwist;

(f) il-paragrafi (d) u (e) ma għandhomx japplikaw għal konċessjonijiet mogħtija taħt ir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà;

(g) konċessjonijiet fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà kif imsemmi fi u skont ir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, li huma regolati bi:

(i) regoli speċifiċi proċedurali skont ftehim internazzjonali jew arranġament bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz jew aktar;

(ii) regoli speċifiċi proċedurali skont ftehim internazzjonali konkluż jew arranġament dwar l-istazzjonar ta’ truppi u li jikkonċerna l-garanzji mogħtija minn xi Stat Membru jew pajjiż terz;

(iii) regoli speċifiċi proċedurali ta’ organizzazzjoni internazzjonali, li tixtri għal skopijiet tagħha jew ta’ kuntratti li għandhom jingħataw minn awtorità kontraenti jew entità kontraenti bi qbil ma’ dawk ir-regoli.

(h) konċessjonijiet fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà kif imsemmi fir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà li jaqgħu taħt waħda minn dawn li ġejjin:

(i) konċessjonijiet li fir-rigward tagħhom, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti tobbliga lil Malta biex tforni informazzjoni li l-iżvelar tagħha tkun tikkunsidrah li jmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha; jew fejn l-akkwist u l-prestazzjoni tal-konċessjoni huma ddikjarati bħala sigrieta jew għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri ta’ sigurtà speċjali f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ f’Malta dment li Malta tkun stabbilixxiet li l-interessi essenzjali kkonċernati ma jkunux jistgħu jiġu garantiti permezz ta’ miżuri inqas intrużivi, bħal dawk imsemmija fil-paragrafu (i) hawn taħt;

(ii) konċessjonijiet mogħtija fil-qafas tal-programm kooperattiv imsemmi fir-regolament 14 tar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà;

(iii) konċessjonijiet mogħtija minn gvern lil gvern ieħor relatati ma’ xogħlijiet u servizzi marbuta direttament ma’ tagħmir militari jew tagħmir sensittiv, jew xogħlijiet u servizzi speċifikament għal raġunijiet militari, jew xogħlijiet sensittivi u servizzi sensittivi;

(iv) konċessjonijiet mogħtija f’pajjiż terz, li jsiru meta jkunu stazzjonati forzi militari barra mit-territorju tal-Unjoni, fejn ħtiġijiet operattivi jitolbu li dawk il-konċessjonijiet ikunu konklużi ma’ operaturi ekonomiċi li jinsabu fiż-żona tal-operazzjonijiet; u

(v) konċessjonijiet b’xi mod ieħor eżentati taħt dawn ir-regolamenti;

(i) konċessjonijiet li mhumiex eżentati b’mod ieħor taħt il--paragrafu (h) sa fejn il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Malta ma tkunx tista’ tiġi ggarantita permezz ta’ miżuri inqas intrużivi, pereżempju bl-impożizzjoni ta’ rekwiżiti mmirati għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tagħmel disponibbli, fi proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni kif previst f’dawn ir-regolamenti;

(j) konċessjonijiet ta’ servizz għall-akkwist jew il-kiri, permezz ta’ kwalunkwe mezz finanzjarju, ta’ art, bini eżistenti, jew proprjetà immobbli oħra jew drittijiet konċernati fuqhom;

(k) konċessjonijiet ta’ servizz għall-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ materjal għall-programm maħsub għas-servizzi tal-media awdjoviżiva jew servizzi tal-media radjofoniċi, li huma mogħtija minn fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżivi jew radjofoniċi, jew il-konċessjonijiet għal ħin ta’ xandir jew il-forniment ta’ programmi, li jingħataw lill-fornituri tas-servizz tal-media awdjoviżivi jew radjofoniċi;

(l) konċessjonijiet ta’ servizz for arbitration u conciliation services;

(m) konċessjonijiet ta’ servizz għal kwalunkwe mis-servizzi legali li ġejjin:

(i) rappreżentanza legali ta’ klijent minn avukat fit-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE f’arbitraġġ jew konċiljazzjoni miżmuma minn Stat Membru, pajjiż terz jew quddiem istanza internazzjonali ta’ arbitraġġ jew konċiljazzjoni, jew proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-qrati, it-tribunali jew l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, jew pajjiż terz jew quddiem qrati, tribunali jew istituzzjonijiet internazzjonali;

(ii) parir legali mogħti bi tħejjija għal kwalunkwe wieħed mill-proċedimenti msemmi fis-subparagrafu (i) jew meta jkun hemm indikazzjoni konkreta u probabbiltà għolja li l-kwistjoni li dwarha jingħata l-parir issir is-suġġett ta’ tali proċedimenti, dment li l-parir jingħata minn avukat skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/249/KEE;

(iii) servizzi ta’ ċertifikazzjoni u awtentikazzjoni ta’ dokumenti li għandhom jingħataw minn nutara;

(iv) servizzi legali mogħtija minn trustees jew gwardjani maħturin jew servizzi legali oħrajn li l-fornituri tagħhom huma indikati minn qorti jew tribunal fl-Istat Membru kkonċernat jew minn liġi għat-twettiq ta’ kompiti speċifiċi taħt is-superviżjoni ta’ tribunali jew qrati bħal dawn;

(v) servizzi legali oħrajn li f’Malta huma konnessi, anki b’mod okkażjonali, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali;

(n) konċessjonijiet ta’ servizzi finanzjarji marbuta mal-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta’ titoli jew strumenti finanzjarji oħra skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, servizzi tal-bank ċentrali u l-operazzjonijiet imwettqa mal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà;

(o) konċessjonijiet ta’ servizz għal self, sew jekk marbut mal-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta’ titoli jew strumenti finanzjarji oħra kif ukoll jekk le;

(p) servizzi ta’ difiża ċivili, protezzjoni ċivili, u ta’ prevenzjoni ta’ perikolu li huma fornuti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt, u li huma koperti mill-kodiċi CPV li ġejjin: 75250000-3, 75251000-0, 75251100-1, 75251110-4, 75251120-7, 75252000-7, 75222000-8, 98113100-9 u 85143000-3 minbarra servizzi tal-ambulanza għat-trasport ta’ pazjenti;

(q) servizzi ta’ kampanji politiċi, li huma koperti mill-kodiċi CPV 79341400-0, 92111230-3 u 92111240-6, meta mogħtija minn partit politiku fil-kuntest ta’ kampanja elettorali;

(r) konċessjonijiet ta’ servizz għas-servizzi ta’ lotterija, li huma koperti mill-kodiċi CPV 92351100-7, mogħtija minn Malta lil operatur ekonomiku fuq il-bażi ta’ dritt esklużiv mogħti. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, il-kunċett ta’ dritt esklużiv ma jkoprix drittijiet esklużivi kif imsemmi fit-tifsira tal-frażi "entitajiet kontraenti" fir-regolament 2(2): Iżda l-għoti ta’ dan id-dritt esklużiv għandu jkun soġġett għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

(s) konċessjonijiet mogħtija minn entitajiet kontraenti għat-twettiq tal-attivitajiet tagħhom f’pajjiż terz, f’kundizzjonijiet li ma jinvolvux l-użu fiżiku ta’ netwerk jew żona ġeografika fi ħdan l-Unjoni.

(2) Għall-finijiet tas-subregolament (1)(k), "servizzi tal-media awdjoviżiva" u "fornituri ta’ servizzi tal-media" għandu jkollhom, rispettivament, l-istess tifsira bħal dik fil-punti (a) u (d) tal-Artikolu 1(1)tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. "Programm" għandu jkollu l-istess tifsira bħal dak fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva, iżda għandu jinkludi wkoll programmi radjofoniċi u materjali tal-programmi radjofoniċi. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, "materjal tal-programm" għandu jkollu l-istess tifsira bħal "programm".

(3) Dawn ir-regolamenti ma għandhomx jaffettwaw is-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali ta’ Malta.

(4) Is-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali għandhom jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.

(5) Dawn ir-regolamenti ma jaffettwawx ukoll il-libertà tal-gvern biex jiddefinixxu, dak li jikkunsidraw bħala servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, f'konformità mar-regoli tal-Għajnuna mill-Istat, u għal liema obbligazzjonijiet speċifiċi għandhom ikunu suġġetti.

Imsemmi fil-marġniL.S. 601.07

Referenzi

Dan ir-regolament jirreferi għal

Skedi li jirreferi għalihom

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.