L.S. 601.07 · Taqsima I · Tifsiriet, Kamp ta’ Applikazzjoni, u Prinċipji Ġenerali
Regolament 2. Tifsiriet
F’dawn ir-regolamenti, kemm-il darba r-rabta tal-kliem ma tkunx teħtieġ xort’oħra:
"awtoritajiet kontraenti" tfisser l-awtoritajiet kontraenti kif imfissra fir-regolament 2 tar-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubbliċi;
"ċiklu tal-ħajja" tfisser l-istadji kollha suċċessivi tal-prodotti, jiġifieri r-riċerka u l-iżvilupp, l-iżvilupp industrijali, il-produzzjoni, it-tiswija, l-immodernizzar, il-modifikazzjoni, il-manutenzjoni, il-loġistika, it-taħriġ, l-ittestjar, l-irtirar u r-rimi;
"Direttur" tfisser il-Kap tad-Dipartiment tal-Kuntratti;
"djalogu kompetittiv" tfisser proċedura, li għaliha kwalunkwe operatur ekonomiku jista’ jitlob li jipparteċipa u li fiha l-awtorità jew entità kontraenti tmexxi djalogu mal-kandidati ammessi f’din il-proċedura, sabiex tiġi żviluppata soluzzjoni waħda jew aktar kapaċi li tikkorrispondi mal-ħtiġiet u li abbażi tagħha l-kandidati magħżula jkunu mistiedna jerġgħu jippreżentaw offerta. Għall-finijiet ta’ rikors għall-proċedura, kuntratt huwa kkunsidrat li huwa "partikolarment kumpless" fejn l-awtorità jew entità kontraenti mhijiex oġġettivament f’pożizzjoni li tiddefinixxi mezzi tekniċi skont ir-regolament 2 tar-Regolament dwar il-Kuntratti Pubbliċi;
"entità kontraenti" tfisser entità kontraenti kif imfissra fir-regolament 2(1) tar-Regolamenti dwar l-Akkwisti Pubbliċi ta’ Entitajiet li Joperaw fis-Settur tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u s-Servizzi Postali;
"ftehim qafas" tfisser ftehim milħuq bejn awtorità jew entità kontraenti waħda jew aktar u operatur ekonomiku wieħed jew aktar li għandu l-għan li jistabbilixxi t-termini li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jingħataw matul perijodu fiss, notevolment f’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet, u, jekk ikun il-każ, il-kwantitajiet previsti;
"il-Gvern" tfisser il-gvern statali, reġjonali jew lokali ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz;
"intrapriża relatata" tfisser kull intrapriża li biha offerent li jingħata kuntratt jista’ jeżerċita influwenza dominanti, kemm jekk diretta jew indiretta, jew kull intrapriża li tista’ teżerċita xi influwenza dominanti fuq offerent li jingħata kuntratt jew li, bħal offerent li jingħata kuntratt, ikun suġġett għall-influwenza dominanti ta’ intrapriża oħra bħala riżultat ta’ pussess, parteċipazzjoni finanzjarja jew regoli li jikkontrollawha. Influwenza dominanti min-naħa ta’ xi intrapriża hija preżunta meta, direttament jew indirettament, tkun relatata ma’ garanzija oħra, hija: - jkollha maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-intrapriża; - tikkontrolla maġġoranza ta’ voti marbutin mal-ishma maħruġa mill-intrapriża; jew - tista’ taħtar aktar min-nofs tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-intrapriża;
"irkant elettroniku" tfisser proċess repetittiv li jinvolvi mezz elettroniku għall-preżentazzjoni ta’ prezzijiet ġodda, riveduti ’l isfel, u, jew valuri ġodda rigward ċerti elementi ta’ offerti, li jseħħ wara evalwazzjoni sħiħa inizjali tal-offerti, li jippermettilhom li jitqiegħdu f’ordni permezz ta’ metodi awtomatiċi ta’ evalwazzjoni. Sussegwentement, ċerti kuntratti tas-servizzi u ċerti kuntratti tax-xogħlijiet li għandhom bħala suġġett eżekuzzjoni intelletwali, bħal ma hu x-xogħol tad-disinn, m’għandhomx ikunu l-oġġett ta’ rkanti elettroniċi;
"kandidat" tfisser operatur ekonomiku li jkun talab stedina għall-parteċipazzjoni fi proċedura ristretta jew innegozjata jew fi djalogu kompetittiv;
"kriżi" tfisser kwalunkwe sitwazzjoni fi Stat Membru jew f’pajjiż terz fejn ikun seħħ avveniment ta’ ħsara li b’mod ċar jissupera d-dimensjonijiet ta’ avvenimenti ta’ ħsara fil-ħajja ta’ kuljum u li b’mod sostanzjali jipperikola jew jirrestringi l-ħajja u s-saħħa ta’ ħafna nies, jew ikollu impatt sostanzjali fuq il-valuri tal-proprjetà jew li jeħtieġ miżuri sabiex il-popolazzjoni tiġi pprovduta bin-neċessitajiet; jitqies ukoll li nħolqot kriżi jekk dan l-avveniment ta’ ħsara jkun meqjus immedjat; kunflitti bl-armi u gwerer għandhom jitqiesu bħala kriżijiet għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti;
"korpi ċentrali ta’ xiri" tfisser id-Dipartiment tal-Kuntratti jew korp pubbliku Ewropew li: - jakkwista provvisti u, jew servizzi maħsuba għal awtorità jew entità kontraenti, jew - jagħti kuntratt jew jikkonkludi ftehim qafas għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi maħsuba għal awtorità jew entità kontraenti;
"il-Kummissjoni" tfisser il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea;
"kuntratt pubbliku" tfisser kuntratt b’interess ta’ flus li jsir bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li jkollu bħala għan tiegħu l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi;
"kuntratt ta’ provvista" tfisser kuntratt minbarra kuntratt ta’ xogħlijiet li għandu bħala għan ix-xiri, il-leasing, il-kiri jew il-hire purchase, bl-għażla ta’ xiri jew mingħajrha, ta’ prodotti. Kuntratt li għandu bħala l-għan tiegħu l-provvista ta’ prodotti, li jkopri wkoll, bħala materja inċidentali, operati ta’ tfittxija ta’ post (siting) u stallazzjoni għandu jitqies bħala "kuntratt pubbliku ta’ provvista";
"kuntratt ta’ servizzi" tfisser kuntratt minbarra kuntratt ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista li għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi. Kuntratt li għandu bħala l-għan tiegħu kemm il-prodotti kif ukoll is-servizzi għandu jitqies bħala "kuntratt ta’ servizz" jekk il-valur tas-servizzi msemmija jaqbeż dak tal-prodotti koperti mill-kuntratt. Kuntratt, li għandu bħala għan tiegħu s-servizzi u li jinkludi attivitajiet imsemmija fid-Diviżjoni 45 tal-"Vokabularju Komuni tal-Akkwist" li huma biss fuq bażi sekondarja meta mqabbla mal-għan prinċipali tal-kuntratt, huwa kkunsidrat bħala kuntratt pubbliku ta’ servizzi;
"kuntratt ta’ xogħlijiet" tfisser kuntratt li jkopri l-eżekuzzjoni, jew b’mod konġunt il-kunċett u l-eżekuzzjoni, ta’ xogħol relatat ma’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fid-Diviżjoni 45 tas-CPV jew ta’ xogħol, kif ukoll it-twettiq, b’liema mezz li jkun, ta’ xogħol li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet stabbiliti mill-awtorità jew entità kontraenti;
"kuntrattur", "fornitur" u "min jipprovdi servizzi" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew morali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawn il-persuni u, jew korpi li joffru fis-suq li jwettqu xogħlijiet, jipprovdu prodotti u servizzi, rispettivament;
"mezz elettroniku" tfisser mezz li juża tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluż il-kompressjoni diġitali) u l-istokkjar ta’ data, u li juża x-xandir, it-twassil u r-riċeviment b’fili, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi elettromanjetiċi oħrajn;
"miktub(a)" jew "bil-miktub" tfisser kwalunkwe ġabra ta’ kliem jew ta’ ċifri li tista’ tinqara, tiġi riprodotta, imbagħad ikkomunikata. Din il-ġabra tista’ tinkludi informazzjoni trasmessa u miżmuma permezz ta’ mezzi elettroniċi;
"Ministru" tfisser il-Ministru tal-Finanzi;
"offerent" tfisser operatur ekonomiku li jkun ippreżenta offerta fi proċedura ristretta jew innegozjata jew fi djalogu kompetittiv;
"operatur ekonomiku" tfisser kuntrattur, fornitur jew min jipprovdi servizzi;
"proċedura nnegozjata" tfisser proċedura li fiha l-awtoritajiet jew entità kontraenti tistieden lill-operaturi ekonomiċi tal-għażla tagħha u tinnegozja magħhom il-kondizzjonijiet tal-kuntratt;
"proċedura ristretta" tfisser proċedura li permezz tagħha kwalunkwe operatur ekonomiku jista’ jitlob li jipparteċipa u fejn huma biss dawk l-operaturi ekonomiċi mistiedna mill-awtoritajiet jew entità kontraenti li jistgħu jagħmlu offerta;
"riċerka u żvilupp" tfisser l-attivitajiet kollha li jinkludu riċerka fundamentali, riċerka applikata u żvilupp sperimentali, fejn tal-aħħar tista’ tinkludi l-produzzjoni ta’ dimostraturi teknoloġiċi, jiġifieri tagħmir li juri l-prestazzjoni ta’ kunċett jew teknoloġija ġdida f’ambjent rilevanti jew rappreżentattiv;
"Stat Membru" tfisser stat membru tal-Unjoni Ewropea;
"tagħmir militari” tfisser tagħmir speċifikament iddisinjat jew adattat għal skopijiet militari, maħsub biex jintuża bħala arma, munizzjon jew materjal tal-gwerra;
"tagħmir sensittiv", "xogħlijiet sensittivi" u "servizzi sensittivi" tfisser tagħmir, xogħlijiet u servizzi għal skopijiet ta’ sigurtà, li jinvolvu, jeħtieġu u, jew fihom informazzjoni kklassifikata;
"Trattat" għandha l-istess tifsira mogħtija fl-Att dwar l-Unjoni Ewropea;
"Unjoni Ewropea" tfisser l-Unjoni Ewropea li jgħamel referenza għaliha t-Trattat;
"Vokabularju komuni tal-Akkwist” (Common Procurement Vocabulary, CPV) tfisser in-nomenklatura ta’ referenza applikabbli għall-kuntratti mogħtija minn awtoritajiet kontraenti, kif adottata mir-Regolament (KE) Nru 2195/2002;
"xiri għal skopijiet ċivili" tfisser kuntratti li mhumiex koperti bir-regolament 2, dwar l-akkwist ta’ prodotti, xogħlijiet jew servizzi mhux militari għal skopijiet loġistiċi u konklużi bi qbil mal-kondizzjonijiet speċifikati fir-regolament 18;
"xogħol” tfisser ir-riżultat ta’ xogħlijiet ta’ bini jew ta’ inġinerija ċivili meħudin globalment li huwa suffiċjenti fih innifsu biex jissodisfa funzjoni ekonomika jew teknika.
Imsemmi fil-marġniL.S. 601.03 · L.S. 601.05 · Kap. 460
Referenzi
Jirreferu għalih
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.