L.S. 601.03 · Taqsima V · Aggregazzjoni ta’ Akkwist
Regolament 177. Obbligi tal-awtoritajiet kontraenti
Sistemi Dinamiċi ta’ Xiri
(1) Għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratti taħt sistema dinamika ta’ xiri, l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandhom:
(a) jippubblikaw sejħa għall-kompetizzjoni u jagħmluha ċara li hemm involuta sistema dinamika ta’ xiri;
(b) jindikaw fid-dokumenti ta’ akkwist mill-inqas in-natura u l-kwantità stmata tax-xiri previst, kif ukoll l-informazzjoni kollha meħtieġa li tikkonċerna s-sistema dinamika ta’ xiri, inkluż kif joperaw sistemi dinamiċi ta’ xiri, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ konnessjonijiet tekniċi;
(ċ) jindikaw kwalunkwe diviżjoni f’kategoriji ta’ prodotti, xogħlijiet jew servizzi u l-karatteristiċi li jfissruhom;
(d) joffru aċċess dirett mingħajr restrizzjonijiet u sħiħ, għaż-żmien kollu li s-sistema tkun valida, għad-dokumenti ta’ akkwist f’konformità mar-regolament 49.
(2) L-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandhom jagħtu lil kwalunkwe operatur ekonomiku, matul il-perijodu kollu ta’ validità tas-sistema dinamika ta’ xiri, il-possibbiltà li jagħmlu talba sabiex jieħdu sehem fis-sistema taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fir-regolament 175.
(3) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiffinalizzaw l-evalwazzjoni tagħhom ta’ dawn it-talbiet taħt is-subartikolu (2) skont il-kriterji tal-għażla fi żmien għaxart ijiem wara r-riċevuta tagħhom.
(4) Il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż għal 15-il jum tax-xogħol f’każijiet individwali meta jkun iġġustifikat, b’mod partikolari minħabba l-ħtieġa li tiġi eżaminata dokumentazzjoni addizzjonali jew b’xi mod ieħor issir verifika dwar jekk il-kriterji ta’ selezzjoni ġewx issodisfati.
(5) Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subregolamenti (2), (3) u (4), sakemm ma tkunx intbagħatet l-istedina għall-offerti għall-ewwel akkwist speċifiku taħt is-sistema dinamika tax-xiri, l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jistgħu jestendu il-perijodu ta’ evalwazzjoni sakemm ma tkunx ħarġet l-ebda stedina għall-offerti matul il-perijodu estiż ta’ evalwazzjoni. L-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandhom jindikaw fid-dokumenti ta’ akkwist it-tul tal-perijodu estiż li huma bi ħsiebhom japplikaw.
(6) L-awtoritjiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandhom jgħarrfu lill-operatur ekonomiku kkonċernat malajr kemm hu possibbli dwar jekk ġiex ammess fis-sistema dinamika ta’ xiri jew le.
(7) L-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandhom jistiednu lill-parteċipanti ammessi kollha sabiex jissottomettu offerta għal kull akkwist speċifiku taħt is-sistema dinamika ta’ xiri, skont ir-regolament 50. Fejn is-sistema dinamika tax-xiri tkun ġiet maqsuma f’kategoriji ta’ xogħlijiet, prodotti jew servizzi, l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandhom jistiednu lill-parteċipanti kollha li jkun ġew ammessi fil-kategorija li tikkorrispondi għall-akkwist speċifiku kkonċernat sabiex jissottomettu offerta.
(8) Huma għandhom jagħtu l-kuntratt lill-offerent li ssottometta l-aqwa offerta fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti stabbiliti fl-avviż dwar kuntratt għas-sistema dinamika ta’ xiri. Fejn adegwat, dawn il-kriterji jistgħu jigu fformulati bi preċiżjoni akbar fl-istedina għall-offerti.
Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.
Itlob dimostrazzjoniInformazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.