Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti

Regolament 19. Speċifikazzjonijiet tekniċi

Kapitolu IV Regoli preċiżi dwar id-dokumentazzjoni tal-kuntratt

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 25 ta’ Ottubru 2011. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

(1) Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

"approvazzjoni teknika Ewropea” tfisser il-valutazzjoni teknika favorevoli li prodott huwa tajjeb biex jintuża għal għan determinat, minħabba f’li jissodisfa r-rekwiżiti ewlenin għall-kostruzzjoni, skont il-karatteristiċi intrinsiċi ta’ dan il-prodott u l-kondizzjonijiet stabbiliti ta’ applikazzjoni u użu. L-approvazzjoni teknika Ewropea tingħata minn korp magħżul għal dan il-għan mill-Istat Membru;

"referenza teknika" tfisser kwalunkwe prodott elaborat mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni, minbarra l-istandards uffiċjali, skont il-proċeduri adattati għall-iżviluppi tal-ħtiġiet tas-suq;

"speċifikazzjonijiet tekniċi" tfisser:

(a) fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet: il-preskrizzjonijiet tekniċi kollha li jinsabu notevolement fl-ispeċifikazzjonijiet, li jiddefinixxu l-karatteristiċi meħtieġa ta’ materjal, prodott jew provvista u li jippermettu li dawn jiġu deskritti b’mod li jikkorrispondu għall-użu li għalih huma maħsuba mill-awtorità jew entità kontraenti. Dawn il-karatteristiċi għandhom jinkludu l-livelli tal-prestazzjoni ambjentali, il-proġettazzjoni għall-użi kollha (inkluż l-aċċess għall-persuni b’diżabilità) u l-evalwazzjoni tal-konformità, l-adegwatezza għall-użu, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-proċeduri relatati mal-assigurazzjoni tal-kwalità, it-terminoloġija, is-simboli, it-testijiet u l-metodi għat-testijiet, l-imballaġġ, l-immarkar u t-tikkettar, kif ukoll il-proċessi u l-metodi ta’ produzzjoni. Dawn għandhom jinkludu wkoll ir-regoli ta’ proġettazzjoni u ta’ kalkolu tax-xogħlijiet, il-kondizzjonijiet ta’ ttestjar, spezzjoni u aċċettazzjoni tax-xogħlijiet, u t-tekniki jew il-metodi ta’ kostruzzjoni u kwalunkwe kondizzjoni oħra ta’ natura teknika li l-awtorità jew entità kontraenti hija f’pożizzjoni li tordna, permezz ta’ regolamenti ġenerali jew partikolari, rigward ix-xogħlijiet lesti rigward il-materjali jew l-elementi li jikkostitwixxu dawn ix-xogħlijiet;

(b) fil-każ ta’ kuntratti ta’ provvisti jew ta’ servizzi: speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jiddefinixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott jew servizz, bħal-livelli ta’ kwalità, il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali, it-tfassil għall-użi kollha (inkluż l-aċċess għall-persuni b’diżabilità) u l-evalwazzjoni tal-konformità, l-adegwatezza għall-użu, l-użu tal-prodott, is-sigurtà tiegħu jew id-dimensjonijiet tiegħu, inklużi r-rekwiżiti rilevanti għall-prodott fir-rigward tad-denominazzjoni tal-bejgħ, it-terminoloġija, is-simboli, it-testijiet u l-metodi għat-testijiet, l-imballaġġ, l-immarkar u t-tikkettar, l-istruzzjonijiet tal-użu, il-proċessi u l-metodi ta’ produzzjoni, kif ukoll il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-konformità;

"speċifikazzjoni teknika komuni" tfisser speċifikazzjoni teknika żviluppata skont proċedura rikonoxxuta mill-Istati Membri u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

"standard" tfisser speċifikazzjoni teknika approvata minn korp ta’ standardizzazzjoni rikonoxxut għal applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, li r-rispett tagħha mhux obbligatorju u li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin: -standard Ewropew: standard adottat minn korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni u disponibbli għall-pubbliku, -standard internazzjonali: standard adottat minn korp internazzjonali ta’ standardizzazzjoni u disponbbli għall-pubbliku, -standard nazzjonali: standard adottat minn korp nazzjonali ta’ standardizzazzjoni u disponbbli għall-pubbliku;

"standard ta’ difiża" tfisser speċifikazzjoni teknika li r-rispett tagħha mhux obbligatorju u li hija approvata minn korp ta’ standardizzazzjoni speċjalizzat fl-elaborazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għal applikazzjoni repetuta jew kontinwa fl-oqsma tad-difiża.

(2) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif imfissra f’dan ir-Regolament għandhom jidhru fid-dokumentazzjoni tal-kuntratt, bħall-avviżi ta’ kuntratt, id-dokumenti tal-kuntratt jew id-dokumenti deskrittivi jew id-dokumenti ta’ appoġġ.

(3) L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jippermettu aċċess ugwali lill-offerenti u m’għandhomx ikollhom l-effett li joħolqu ostakli inġustifikati għall-ftuħ tal-kuntratti għall-kompetizzjoni.

(4) Mingħajr preġudizzju kemm għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji (li jinkludu dawk relatati mas-sikurezza tal-prodott) u kif ukoll għar-rekwiżiti tekniċi li jridu jintlaħqu minn Malta, skont strumenti standardizzati ta’ ftehim internazzjonali, sabiex jiggarantixxu l-interoperabilità meħtieġa minn dawn l-istrumenti ta’ ftehim, u sakemm ikunu kompatibbli mal-liġi Komunitarja, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu magħmula:

(a) jew b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti f’dan ir-regolament u, b’ordni ta’ preferenza, għal: -standards ċivili nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej, - l-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej, - l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ċivili komuni, -standards nazzjonali ċivili li jittrasponu l-istandards internazzjonali, -standards oħra ċivili internazzjonali, - sistemi ta’ referenza teknika oħrajn imħejjija minn korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni, jew, meta dawn ma jeżistux, standards oħra civili nazzjonali, l-approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali, jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali fir-rigward tal-kunċett, il-kalkolu u t-twettiq ta’ xogħlijiet u l-implimentazzjoni tal-prodotti, - speċifikazzjoni tekniċi ċivili li joħorġu mill-industrija u huma sew rikonoxxuti minnha, jew -l-"istandards ta’ difiża" nazzjonali kif imfissra f’dan ir-regolament u speċifikazzjoni ta’ materjal ta’ difiża simili għal dawk l-istandards, u kwalunkwe referenza għandha tkun segwita bit-terminu "jew ekwivalenti";

(b) jew f’termini ta’ prestazzjoni jew ta’ rekwiżiti funzjonali; tal-aħħar jistgħu jinkludu karatteristiċi ambjentali: Iżda, dawn għandhom ikunu preċiżi biżżejjed li jippermettu lill-offerenti biex jiddeterminaw is-suġġett tal-kuntratt u lill-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti biex jallokaw il-kuntratt;

(ċ) jew f’termini ta’ prestazzjoni jew rekwiżiti funzjonali msemmija fil-paragrafu (b), billi jirriferu, bħala mezz ta’ preżunzjoni ta’ konformità ma’ tali prestazzjoni jew rekwiżiti funzjonali, għall-ispeċifikazzjonijiet ikkwotati fil-paragrafu (a);

(d) jew breferenza għall-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (a) għal ċerti karatteristiċi u għall-prestazzjoni jew rekwiżiti funzjonali msemmija fil-paragrafu (b) għal karatteristiċi oħrajn.

(5) Fejn awtorità jew entità kontraenti tagħmel użu mill-possibilità li tirriferi għall-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fis-subregolament (4)(a), ma tistax tirrifjuta offerta għar-raġuni li l-prodotti u s-servizzi offruti m’humiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet li għamlet referenza għalihom, meta l-offerent jagħti prova fl-offerta tiegħu, għas-sodisfazzjon tal-awtorità jew entità kontraenti, bi kwalunkwe mezz xieraq, li s-soluzzjonijiet li huwa jipproponi jissodisfaw b’mod ugwali ir-rekwiżiti definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Għall-finjiet ta’ dan ir-regolament mezz xieraq jista’ jkun dossier tekniku tal-manifattur jew rapport ta’ prova ta’ korp rikonoxxut.

(6) Fejn awtorità jew entità kontraenti tagħmel użu mill-possibilità, prevista fis-subregolament (4), li tistabbilixxi preskrizzjonijiet f’termini ta’ prestazzjoni jew ta’ eżiġenzi funzjonali, ma tistax tirrifjuta offerta ta’ xogħlijiet, ta’ prodotti jew ta’ servizzi konformi ma’ standard nazzjonali li jittrasponi standard Ewropew, b’approvazzjoni teknika Ewropea, speċifikazzjoni teknika komuni, standard internazzjonali, jew sistema ta’ referenza teknika stabbilita minn korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni, jekk dawn l-ispeċifikazzjonijiet jikkonċernaw il-prestazzjonijiet jew ir-rekwiżiti funzjonali li din teħtieġ. Fl-offerta tiegħu, l-offerent għandu jagħti prova, għas-sodisfazzjon tal-awtorità jew entità kontraenti bi kwalunkwe mezz xieraq, li x-xogħol, prodott jew servizzi konformement mal-istandard jissodisfaw il-prestazzjoni jew ir-rekwiżiti funzjonali tal-awtorità jew entità kontraenti.

(7) Fejn l-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jippreskrivu karatteristiċi ambjentali f’termini ta’ prestazzjoni jew ta’ rekwiżiti funzjonali, bħal dawk imsemmija fis-subregolament (4)(b), huma jistgħu jużaw l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati jew, jekk ikun meħtieġ, ta’ partijiet minn dawn, kif definiti mit-tikketti ekoloġiċi Ewropej, (pluri) nazzjonali, jew minn kwalunkwe tikketta ekoloġika oħra sakemm:

(a) dawn ikunu adatti biex jiddefinixxu l-karatteristiċi tal-provvisti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt,

(b) ir-rekwiżiti tat-tikketta jkunu żviluppati abbażi ta’ informazzjoni xjentifika,

(ċ) it-tikketti ekoloġiċi jkunu adottati permezz ta’ proċedura li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet kollha kkonċernati, bħall-korpi governattivi, il-konsumaturi, il-manifatturi, id-distributuri u l-organizzazzjonijiet ambjentali, u

(d) jkunu aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha. L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti jistgħu jindikaw li l-prodotti u s-servizzi li jkollhom l-ekotikketta huma meqjusa li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fid-dokumenti tal-kuntratt; huma għandhom jaċċettaw kwalunkwe mezz xieraq ieħor ta’ prova, bħal dossier tekniku tal-manifattur jew rapport ta’ prova ta’ korp rikonoxxut.

(8) B’"organi rikonoxxuti" fis-sens ta’ dan ir-regolament, hu mifhum il-laboratorji ta’ prova, ta’ kalibrazzjoni, il-korpi ta’ spezzjoni u ta’ ċertifikazzjoni, konformi mal-istandards Ewropej applikabbli. L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati maħruġa minn korpi rikonoxxuti fi Stati Membri oħrajn.

(9) Sakemm ma jkunux iġġustifikati mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jistgħux isemmu manifattura jew oriġini determinata jew proċedura partikolari, u lanqas jirriferu għal marka, brevett jew tip, oriġini jew produzzjoni determinata li jkollhom l-effett li jiffavorixxu jew iwarrbu ċerti intrapriżi jew ċerti prodotti. Din ir-referenza għandha tiġi awtorizzata, bħala eċċezzjoni, fil-każ fejn deskrizzjoni preċiża u intelliġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt m’hijiex possibbli bl-applikazzjoni subregolamenti (4) u (5); tali referenza għandha tkun segwita bit-terminu "jew ekwivalenti".

Referenzi

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.