Aqbeż għall-kontenut

L.S. 601.07 · Taqsima II · Regoli dwar Kuntratti

Regolament 14. Esklużjonijiet speċifiċi

Sezzjoni 3 Kuntratti esklużi

Test tal-verżjoni konsolidata. Data tad-dħul fis-seħħ: 25 ta’ Ottubru 2011. Fejn din il-paġna u legislation.mt ma jaqblux, jipprevali legislation.mt: test uffiċjaliIt-test Malti u dak Ingliż huma t-tnejn uffiċjali; f’każ ta’ kunflitt jipprevali t-test Malti. Din il-paġna turi t-test Malti.

Dawn ir-regolamenti m’għandhomx japplikaw għal dawn li ġejjin:

(a) kuntratti li għalihom l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti tobbliga l-awtoritajiet kompetenti li jgħaddu informazzjoni li l-iżvelar tagħha huma jqisu kuntrarja għall-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-pajjiż;

(b) kuntratti għall attivitajiet tas-servizzi sigrieti;

(ċ) kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ programm ta’ koperazzjoni bbażat fuq ir-riċerka u l-iżvilupp li jsir b’mod konġunt bejn Malta u għall-inqas Stat Membr għall-iżvilupp ta’ prodott ġdid u, fejn applikabbli, l-aħħar fażi tal-partijiet kollha jew ta’ partijiet miċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dan il-prodott. Meta jkun konkluż programm koperattiv bħal dan bejn Malta u Stati Membri biss, l-Istati Membri għandhom jindikaw lill-Kummissjoni s-sehem tal-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp relattivi għall-ispiża globali tal-programm, il-ftehim tal-qsim ta’ spejjeż kif ukoll is-sehem maħsub ta’ xiri għal kull Stat Membru, jekk ikun il-każ;

(d) kuntratti mogħtija f’pajjiż terz, inklużi xiri għal skopijiet ċivili, li jsir meta jkunu skjerati forzi militari barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, fejn ħtiġiet operattivi jitolbu li dawn ikunu konklużi ma’ operaturi ekonomiċi li jinsabu fiż-żona tal-operazzjonijiet;

(e) kuntratti ta’ servizzi li għandhom bħala għan l-akkwist jew il-kiri, ikunu xi jkunu l-arranġamenti finanzjarji, ta’ artijiet, bini eżistenti jew beni immobiljari oħra jew li jikkonċernaw drittijiet fuq dawn il-beni;

(f) kuntratti mogħtija mill-Gvern ta’ Malta lil gvern ieħor dwar:

(i) il-provvista ta’ tagħmir militari jew tagħmir sensittiv, jew

(ii) xogħlijiet u servizzi direttament marbuta ma’ dan it-tagħmir, jew

(iii) xogħlijiet u servizzi speċifikament għal skopijiet militari, jew xogħlijiet sensittivi u servizzi sensittivi;

(g) servizzi ta’ arbitraġġ u ta’ konċiljazzjoni;

(h) servizzi finanzjarji, bl-eċċezzjoni ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni;

(i) kuntratti ta’ impjieg;

(j) servizzi ta’ riċerka u żvilupp minbarra dawk fejn il-benefiċċji tagħhom ikunu esklużivament tal-awtorità jew entità kontraenti għall-użu tagħha fl-eżerċizzju tal-attività proprja tagħha dment li l-provvista tas-servizz tkun imħallsa b’mod sħiħ mill-awtorità jew entità kontraenti.

Referenzi

Jirreferu għalih

Trid li d-dokumenti tal-offerti tiegħek jiġu vverifikati qabel il-pubblikazzjoni? Nuruk kif tagħmel dan Procurelex Verifika.

Itlob dimostrazzjoni

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku fis-seħħ. Mhijiex parir legali.