# L.S. 601.05, Skeda 20. INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TKUN INKLUŻA FL-AVVIŻ DWAR L-EŻISTENZA TA’ SISTEMA TA’ KWALIFIKA

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/skeda-20 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/schedule-20
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt
- Amended by: A.L. 26 tal-2018

## (kif imsemmi fir-regolamenti 89(2)(b) u 169(10))
1. L-isem, in-numru ta’ identifikazzjoni (fejn speċifikat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali), l-indirizz inkluż il-kodiċi NUTS, it-telefon, in-numru tal-fax, l-indirizz tal-posta elettronika u l-indirizz fuq l-internet tal-entità kontraenti u, fejn dan ikun differenti, tas-servizz li minnu tista’ tinkiseb informazzjoni addizzjonali.
2. L-attività ewlenija mwettqa.
3. Fejn ikun adatt, dikjarazzjoni dwar jekk il-kuntratt huwiex riżervat għal sessjonijiet ta’ ħidma protetti fil-kuntest ta’ programmi ta’ impjiegi protetti jew jekk it-twettiq tiegħu huwiex riżervat fil-kuntest ta’ programmi ta’ impjiegi protetti.
4. L-iskop tas-sistema ta’ kwalifika (deskrizzjoni tal-prodotti, servizzi jew xogħlijiet jew kategoriji tagħhom li għandhom jinxtraw permezz tas-sistema -Kodiċi CPV). Il-kodiċi NUTS għall-post ewlieni tax-xogħlijiet fil-każ ta’ xogħlijiet jew il-kodiċi NUTS għall-post ewlieni ta’ kunsinna jew twettiq ta’ provvisti jew ta’ servizz.
5. Il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mill-operaturi ekonomiċi rigward il-kwalifika tagħhom skont is-sistema u l-metodi li skonthom kull waħda minn dawn il-kondizzjonijiet ser tiġi verifikata. Fejn id-deskrizzjoni ta’ dawn il-kondizzjonijiet u metodi ta’ verifika tkun imdaqqsa u bbażata fuq dokumenti disponibbli għall-operaturi ekonomiċi interessati, sommarju tal-kondizzjonijiet ewlenin u l-metodi u referenza għal dawk id-dokumenti għandhom ikunu biżżejjed.
6. Il-perjodu ta’ validità tas-sistema ta’ kwalifika u l-formalitajiet għat-tiġdid tagħha.
7. Referenza għall-fatt li l-avviż jaġixxi bħala sejħa għal kompetizzjoni.
8. L-indirizz li minn fuqu tista’ tinkiseb informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali li tikkonċerna s-sistema ta’ kwalifika (fejn dan ikun differenti mill-indirizz imsemmi taħt il-paragrafu 1).
9. L-isem u l-indirizz tal-korp responsabbli għall-appell u, fejn adatt, il-proċeduri ta’ medjazzjoni. L-informazzjoni preċiża li tikkonċerna l-limiti ta’ żmien biex jitressqu l-appelli, jew, jekk ikun hemm il-bżonn, l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon, in-numru tal-fax, u l-indirizz tal-posta elettronika tas-servizz minn fejn tista’ tinkiseb din l-informazzjoni.
10. Fejn dawn ikunu magħrufa, il-kriterji msemmija fir-regolament 170 li għandhom jintużaw għall-għoti tal-kuntratt. Ħlief fejn tiġi identifikata l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża abbażi tal-prezz biss, il-kriterji li jirrappreżentaw l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża kif ukoll l-ippeżar tagħhom jew, fejn adatt, l-ordni ta’ importanza ta’ dawn il-kriterji, għandhom jissemmew fejn ma jkunux jidhru fl-ispeċifikazzjonijiet jew fejn ma jkunux ser jiġu indikati fl- istedina għall-offerti jew għan-negozjar.
11. Fejn adatt, indikazzjoni dwar jekk:
   (a) hijiex ser tkun meħtieġa/aċċettata sottomissjoni elettronika ta’ offerti jew talbiet għal parteċipazzjoni,
   (b) hijiex ser tintuża ordni elettronika,
   (ċ) huwiex ser jintuża fatturar elettroniku,
   (d) huwiex ser ikun aċċettat ħlas elettroniku.
12. Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.
