# L.S. 601.05, regolament 84. Regoli applikabbli għall-għażla ta’ parteċipanti

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/84 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/84
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt
- Amended by: A.L. 26 tal-2018

(1) Għall-finijiet tal-għażla ta’ parteċipanti fil-proċeduri tal-akkwist tagħhom, għandhom japplikaw ir-regoli kollha ġejjin:
   (a) l-entitajiet kontraenti jkunu pprovdew ir-regoli u l-kriterji ta’ esklużjoni tal-offerti jew tal-kandidati f’konformità mar-regolament 164 jew regolament 165(1) għandhom jeskludu operaturi ekonomiċi identifikati skont dawn ir-regoli u li jissodisfaw dawn il-kriterji;
   (b) għandhom jagħżlu offerenti u kandidati skont ir-regoli u l-kriterji oġġettivi stabbiliti f’konformità mar-regolamenti 164 u 165;
   (ċ) fi proċeduri ristretti, fi proċeduri negozjati b’sejħa għal kompetizzjoni, fi djalogi kompetittivi u fi sħubijiet għall-innovazzjoni, b’valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 30(b), għandhom fejn xieraq inaqqsu, skont ir-regolament 165(2), in-numru ta’ kandidati magħżula skont il-paragrafi (a) u (b).
(2) Meta jagħżlu l-parteċipanti għal proċedura ristretta jew negozjata, għal djalogu kompetittiv jew għal sħubija għall-innovazzjoni, fit-teħid tad-deċiżjoni tagħhom dwar il-kwalifika jew meta l-kriterji jew ir-regoli jkunu qed jiġu aġġornati, l-entitajiet kontraenti ma għandhomx:
   (a) jimponu kundizzjonijiet amministrattivi, tekniċi jew finanzjarji fuq ċerti operaturi ekonomiċi li ma għandhomx jiġu impost fuq oħrajn;
   (b) jesiġu testijiet jew evidenza li jkunu jiddupplikaw l-evidenza oġġettiva diġà disponibbli.
(3) Fejn sejħa għal kompetizzjoni ssir permezz ta’ avviż tal-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifika u għall-fini li jintgħażlu parteċipanti fil-proċeduri ta’ akkwist għall-kuntratti speċifiċi li huma s-suġġett tas-sejħa għal kompetizzjoni, l-entitajiet kontraenti għandhom:
   (a) jikkwalifikaw operaturi ekonomiċi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament 169;
   (b) japplikaw, għal dawn l-operaturi ekonomiċi kkwalifikati, dawk id-dispożizzjonijiet tas-subregolament (1) li huma rilevanti għal proċeduri ristretti jew innegozjati, għal djalogi kompetittivi jew għal sħubijiet għall-innovazzjoni.
