# L.S. 601.05, regolament 83. Sottokuntrattar

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/83 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/83
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Fid-dokumenti tal-akkwist, l-entità kontraenti tista’ titlob lill-offerent sabiex fl-offerta tiegħu jindika kwalunkwe sehem mill-kuntratt li huwa jista’ jkollu l-ħsieb li jagħti bħala sottokuntratt lil partijiet terzi u jindika wkoll kwalunkwe sottokuntratturi proposti.
(2) L-offerent bħala kuntrattur ewlieni huwa responsabbli għal kull atti jew ommissjoni mwettqa mis-sottokuntratturi tiegħu.
(3) Fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet u fir-rigward ta’ servizzi li għandhom jiġu provduti fil-faċilità taħt is-superviżjoni diretta tal-entità kontraenti, wara l-għoti tal-kuntratt u mhux aktar tard minn meta jibda t-twettiq tal-kuntratt, l-entità kontraenti għandha tesiġi lill-kuntrattur ewlieni jindika lill-entità kontraenti l-isem, id-dettalji ta’ kuntatt u r-rappreżentanti legali tas-sottokuntratturi tagħha, li huma involuti f’ tali xogħlijiet jew servizzi, kif magħrufa f’dan il-punt ta’ żmien. L-entità kontraenti għandha tesiġi lill-kuntrattur ewlieni javża lill-entità kontraenti bi kwalunkwe tibdil f’din l-informazzjoni waqt il-perjodu tal-kuntratt kif ukoll bl-informazzjoni meħtieġa dwar kwalunkwe sottokuntrattur ġdid li jinvolvi sussegwentement f’ tali xogħlijiet jew servizzi: Iżda dan is-subregolament ma japplikax għal fornituri.
(4) Fejn ikun neċessarju l-informazzjoni meħtieġa għandha tkun akkumpanjata mill-awtodikjarazzjonijiet tas-sottokuntratturi kif imsemmi fir-regolament 71(4).
(5) L-entitajiet kontraenti jistgħu jestendu l-obbligi previsti fis-subregolament (3), għal:
   (a) kuntratti ta’ provvista, għall-kuntratti ta’ servizzi (minbarra dawk li jikkonċernaw servizzi li jiġu provduti fil-faċilitajiet taħt is-superviżjoni diretta tal-entità kontraenti) jew għall-fornituri involuti f’kuntratti ta’ xogħlijiet jew servizzi;
   (b) sottokuntratturi tas-sottokuntratturi tal-kuntrattur ewlieni jew aktar ‘l isfel fil-katina tas-sottokuntrattar.
(6) Is-sottokuntratturi għandhom josservaw l-obbligi stabbiliti taħt ir-regolament 34(m) matul l-esekuzzjoni tal-kuntratti.
(7) L-awtorità kontraent għandha d-dritt li tissospendi l-ħlasijiet u, jew tagħżel li tħoll il-kuntratt jekk il-kuntrattur ewlieni jonqos jirrispetta l-obbligi tiegħu taħt dan ir-regolament.
