# L.S. 601.05, regolament 82. Involviment minn qabel ta’ kandidati jew offerenti

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/82 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/82
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Fejn kandidat jew offerent jew impriża relatata ma’ kandidat jew offerent ta parir lill-entità kontraenti, sew jekk fil-kuntest tar-regolament 69 u sew jekk le, jew kien involut b’xi mod ieħor fit-tħejjija tal-proċedura tal-akkwist, l-entità kontraenti għandha tieħu l-miżuri adatti sabiex tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix mgħawġa mill-parteċipazzjoni ta’ dak il-kandidat jew l-offerent.
(2) Dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-komunikazzjoni lill-kandidati u l-offerenti l-oħra ta’ informazzjoni rilevanti skambjata fil-kuntest ta’ jew li tirriżulta mill-involviment tal-kandidat jew l-offerent fit-tħejjija tal-proċedura tal-akkwist u l-iffissar ta’ limiti ta’ żmien adegwati għar-riċevuta ta’ offerti. Il-kandidat jew l-offerent ikkonċernat għandu jiġi eskluż biss minn dik il-proċedura fejn ma hemm l-ebda mod ieħor sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dmir ta’ osservazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
(3) Qabel kull esklużjoni bħal din, il-kandidati jew l-offerenti għandhom jingħataw l-opportuntià li juru li l-involviment tagħhom fit-tħejjija tal-proċedura tal-akkwist ma jistax jgħawweġ il-kompetizzjoni. Il-miżuri meħuda għandhom jiġu dokumentati fir-rapport individwali meħtieġ mit-Taqsima III jew mir-regolament 172, skont il-każ.
