# L.S. 601.05, regolament 75. Determinazzjoni tal-limiti taż-żmien

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/75 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/75
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Meta jiffissaw il-limiti ta’ żmien għat-talbiet għal parteċipazzjoni u r-riċevuta ta’ offerti, l-entitajiet kontraenti għandhom jieħdu kont partikolari tal-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għat-tfassil tal-offerti, mingħajr preġudizzju għal-limiti ta’ żmien minimi stabbiliti fir-regolamenti 90 sa 123.
(2) Fejn l-offerti jistgħu jsiru biss wara żjara fuq il-post jew wara spezzjoni fuq il-post tad-dokumenti li jappoġġaw id-dokumenti tal-akkwist, il-limiti ta’ żmien għar-riċevuta ta’ offerti, li għandhom ikunu itwal mil-limiti ta’ żmien minimi stabbiliti fir-regolamenti 90 sa 123, għandhom jiġu ffissati sabiex l-operaturi ekonomiċi kkonċernati kollha jkunu jistgħu jsiru jafu dwar l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jinħolqu l-offerti.
(3) L-entitajiet kontraenti għandhom jestendu l-limiti taż-żmien għar-riċevuta ta’ offerti sabiex l-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu dwar l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jinħolqu l-offerti fil-każijiet li ġejjin:
   (a) fejn, għal kwalunkwe raġuni, l-informazzjoni addizzjonali, għalkemm mitluba mill-operatur ekonomiku fi żmien adegwat, ma tiġix ipprovduta tal-anqas sitt ijiem qabel l-iskadenza ffissata għar-riċevuta tal-offerti. Fil-każ ta’ proċedura miftuħa aċċelerata kif imsemmi fir-regolament 91(3), dak il-perjodu għandu jkun ta’ erbat ijiem;
   (b) fejn isiru bidliet sinifikanti lid-dokumenti tal-akkwist.
(4) It-tul tal-estensjoni għandu jkun proporzjonat mal-importanza tal-informazzjoni jew tal-bidla.
(5) Fejn l-informazzjoni addizzjonali ma ġietx mitluba fi żmien adegwat jew l-importanza tagħha mhix sinifikanti fid-dawl tat-tħejjija ta’ offerti reattivi, l-awtoritajiet kontraenti m’għandhomx ikunu meħtieġa li jestendu l-limiti ta’ żmien.
(6) Offerti sottomessi tard jiġu skwalifikati mill-proċess.
