# L.S. 601.05, regolament 70. Regoli applikabbli għal komunikazzjoni

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/70 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/70
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Il-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni kollha taħt dawn ir-regolamenti, b’mod partikolari l-preżentazzjoni elettronika, jitwettqu bl-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament.
(2) L-għodod u l-apparat li għandhom jintużaw għall-komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi, kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tagħhom, ma għandhomx ikunu diskriminatorji, iridu jkunu ġeneralment disponibbli u interoperabbli mal-prodotti tal-ICT fl-użu ġenerali u ma għandhomx jillimitaw l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi għall-proċedura tal-akkwist.
(3) Minkejja id-dispożizzjonijiet tas-subregolamenti (1) u (2), l-entitajiet kontraenti m’għandhomx ikunu obbligati jitolbu mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni fil-proċess ta’ sottomissjoni fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
   (a) minħabba n-natura speċjalizzata tal-akkwist, l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jitlob għodod, mezzi jew formati ta’ fajl speċifiċi li ġeneralment mhumiex disponibbli jew aċċettati minn applikazzjonijiet li jkunu ġeneralment disponibbli;
   (b) l-applikazzjonijiet li jaċċettaw il-formati ta’ fajl li huma adatti għad-deskrizzjoni tal-offerti jużaw formati ta’ fajl li ma jistgħux jinqraw minn ebda applikazzjoni oħra miftuħa jew ġeneralment disponibbli jew li huma taħt skema ta’ liċenzjar proprjetarju u ma jistgħux isiru disponibbli għat-tniżżil jew għall-użu mill-bogħod mill-entità kontraenti;
   (ċ) l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika tkun titlob tagħmir ta’ uffiċċju speċjalizzat li ma jkunx ġeneralment disponibbli għall-entitajiet kontraenti;
   (d) id-dokumenti tal-akkwist jirrikjedu s-sottomissjoni ta’ mudelli fiżiċi jew fuq skala li ma jkunux jistgħu jintbagħtu bl-użu ta’ mezzi elettroniċi.
(4) Fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet li għalihom ma jintużawx mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni skont is-subregolament (3), il-komunikazzjoni għandha ssir permezz tal-posta jew b’mezz ta’ ġarr adatt ieħor jew b’taħlita ta’ posta jew mezz ta’ ġarr adatt ieħor u mezzi elettroniċi.
(5) L-entitajiet kontraenti mhumiex obbligati li jesiġu mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni fil-proċess ta’ sottomissjoni elettronika sa fejn l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni li mhumiex elettroniċi jkun meħtieġ minħabba ksur ta’ sigurtà ta’ dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni jew għall-protezzjoni ta’ informazzjoni ta’ natura partikolarment sensittiva li titlob livell għoli ta’ protezzjoni li ma jistax ikun żgurat kif suppost bl-użu ta’ għodod u apparat elettroniċi li jkunu ġeneralment disponibbli għall-operaturi ekonomiċi jew li jistgħu jsiru disponibbli għalihom permezz ta’ mezzi alternattivi ta’ aċċess fis-sens subregolamenti (10) u (11).
(6) Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-entitajiet kontraenti li titlob, f’konformità mas-subregolament (3), mezzi ta’ komunikazzjoni li mhumiex mezzi elettroniċi fil-proċess ta’ sottomissjoni biex tindika fir-rapporti individwali msemmija fir-regolament 172 ir-raġunijiet għal dan ir-rekwiżit. Fejn applikabbli, l-entitajiet kontraenti għandhom jindikaw fir-rapport individwali r-raġunijiet għaliex l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni li mhumiex elettroniċi ġew ikkunsidrati neċessarji fl-applikazzjoni tas-subregolament (5).
(7) Il-komunikazzjoni orali tista’ tintuża fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet oħra li ma jikkonċernawx l-elementi essenzjali ta’ proċedura tal-akkwist, dment li l-kontenut tal-komunikazzjoni orali jkun dokumentat fi grad suffiċjenti. Għal dan il-għan l-elementi essenzjali tal-proċedura tal-akkwist jinkludu dokumenti tal-akkwist, talbiet għall-parteċipazzjoni u konfermi ta’ interess u ta’ offerti. B’mod partikolari, komunikazzjonijiet orali mal-offerenti li jista’ jkollhom impatt sostanzjali fuq il-kontenut u l-evalwazzjoni tal-offerti għandhom ikunu ddokumentati fi grad suffiċjenti u b’mezzi adatti, bħal reġistrazzjonijiet bil-miktub jew bl-awdjo jew sommarji tal-elementi prinċipali tal-komunikazzjoni.
(8) F’kull komunikazzjoni, skambju u ħżin ta’ informazzjoni, l-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw li jkunu preservati l-integrità tad-data u l-kunfidenzjalità tal-offerti u t-talbiet għal parteċipazzjoni. Għandhom jeżaminaw il-kuntest tal-offerti u t-talbiet għal parteċipazzjoni biss meta l-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tagħhom ikun skada.
(9) Għal kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi u kompetizzjonijiet ta’ disinn, l-entitajiet kontraenti jistgħu jirrikjedu l-użu ta’ għodod elettroniċi speċifiċi, bħal għodod ta’ mmudellar elettroniku ta’ informazzjoni jew oħrajn simili. F’dawn il-każijiet l-awtoritajiet kontraenti għandhom joffru mezzi alternattivi ta’ aċċess kif previst fis-subregolamenti (10) u (11) sa meta dawn l-għodod isiru ġeneralment disponibbli fis-sens tas-subregolament (2).
(10) L-entitajiet kontraenti jistgħu, fejn meħtieġ, jirrikjedu l-użu ta’ għodod u apparat li mhumiex disponibbli b’mod ġenerali, dment li l-entitajiet kontraenti joffru mezzi alternattivi ta’ aċċess.
(11) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jitqiesu li joffru mezzi alternattivi adatti ta’ aċċess fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin, meta huma:
   (a) joffru aċċess mingħajr restrizzjonijiet, sħiħ u dirett mingħajr ħlas b’mezzi elettroniċi għal dawk l-għodod u l-apparat mid-data ta’ pubblikazzjoni tal-avviż skont l-Iskeda 10 jew mid-data li fiha tintbagħat l-istedina għall-konferma tal-interess. It-test tal-avviż jew tal-istedina għall-konferma tal-interess għandu jispeċifika l-indirizz elettroniku li fuqu dawk l-għodod u l-apparat huma aċċessibbli;
   (b) jiżguraw li l-offerenti li ma jkollhomx aċċess għall-għodod u l-mezzi kkonċernati, jew ma jkollhom l-ebda possibbiltà li jiksbuhom fil-limiti ta’ żmien rilevanti, sakemm in-nuqqas ta’ aċċess ma jkunx attribwibbli għall-offerent ikkonċernat, ikollhom aċċess għall-proċedura tal-akkwist permezz tal-użu ta’ tokens proviżorji li jkunu disponibbli mingħajr ħlas online; jew
   (ċ) jappoġġaw kanal alternattiv għall-preżentazzjoni elettronika tal-offerti.
(12) Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Iskeda, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin għal għodod u mezzi għat-trasmissjoni elettronika u r-riċevuta ta’ offerti u għar-riċevuta b’mezzi elettroniċi ta’ talbiet għal parteċipazzjoni:
   (a) informazzjoni dwar speċifikazzjonijiet għas-sottomissjoni elettronika tal-offerti u t-talbiet għal parteċipazzjoni, inklużi l-qlib ta’ data f’kodiċi u l-istampar tal-ħin, għandha tkun għad-dispożizzjoni ta’ partijiet interessati;
   (b) l-entitajiet kontraenti għandhom jispeċifikaw il-livell ta’ sigurtà meħtieġ għall-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni li għandhom jintużaw fid-diversi stadji tal-proċedura tal-akkwist speċifika; il-livell għandu jkun proporzjonat għar-riskji involuti: Iżda r-rekwiżiti stabbiliti taħt dan il-paragrafu għandhom jitqiesu sodisfaċenti meta mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjonijiet isiru permezz ta’ pjattaforma tal-akkwist elettoniku tal-gvern;
   (ċ) l-entitajiet kontraenti li jaġixxu f’qafas ġenerali jikkonkludu li l-livell tar-riskji, ivvalutat taħt il-paragrafu (b), ikun tali li jkunu meħtieġa Firem Elettroniċi avvanzati kif definiti mid-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-entitajiet kontraenti għandhom jaċċettaw firem elettroniċi avvanzati appoġġati minn ċertifikat elettroniku kwalifikat, filwaqt li jieħdu kont ta’ jekk dawk iċ-ċertifikati humiex ipprovduti minn fornitur ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni li jinsab f’lista ta’ fiduċja kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/767/KE, maħluqa jew le bi strument ta’ ħolqien ta’ firma sigura, soġġetti għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
      (i) l-entitajiet kontraeti għandhom jistabbilixxu l-format tal-firma avvanzata meħtieġa fuq il-bażi tal-formati stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/130/UE u għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex dawk il-formati jkunu jistgħu jiġu pproċessati b’mod tekniku; fil-każ fejn ikun intuża format differenti tal-firma elettronika, il-fima elettronika jew it-trasportatur tad-dokument elettroniku għandu jinkludi informazzjoni dwar possibbiltajiet ta’ validazzjoni eżistenti. Il-possibbiltajiet ta’ validazzjoni għandhom jippermettu lill-entità kontraenti li tivvalida online, mingħajr ħlas u b’mod li jinftiehem minn dawk b’lingwa materna differenti l-firem elettroniċi li jkunu rċevew bħala firma elettronika avvanzata bl-appoġġ ta’ ċertifikat kwalifikat;
      (ii) fejn offerta tkun iffirmata bl-appoġġ ta’ ċertifikat kwalifikat li huwa inkluż f’lista ta’ fiduċja, l-entitajiet kontraenti ma għandhomx japplikaw rekwiżiti addizzjonali li jistgħu jxekklu l-użu ta’ dawk il-firem mill-offerenti.
(13) Rigward dokumenti li jintużaw fi proċedura ta’ akkwist li jkunu ffirmati minn awtorità kompetenti jew entità emittenti oħra, l-awtorità jew entità emittenti kompetenti tista’ tistabbilixxi l-format avvanzat dwar il-firma rikjest skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2011/130/UE.
(14) Għall-finijiet tas-subregolament (13), awtorità jew entità kompetenti għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jipproċessaw dak il-format teknikament billi jinkludu l-informazzjoni meħtieġa għall-fini tal-ipproċessar tal-firma fid-dokument ikkonċernat. Dawn id-dokumenti għandu jkun fihom, fil-firma elettronika jew fid-dokument elettroniku, informazzjoni tat-trasportatur dwar possibbiltajiet ta’ validazzjoni eżistenti li jippermettu l-validazzjoni online tal-firma elettronika rċevuta, mingħajr ħlas u b’mod li jinftiehem minn dawk b’lingwa materna differenti.
