# L.S. 601.05, regolament 7. Gass u tisħin

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/7 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/7
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Sa fejn huma kkonċernati l-gass u t-tisħin, dawn ir-regolamenti għandhom japplikaw għall-attivitajiet li ġejjin:
   (a) il-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks fissi maħsuba biex jipprovdu servizz lill-pubbliku b’rabta mal-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni ta’ gass jew tisħin;
   (b) il-provvista ta’ gass jew tisħin lil dawn in-netwerks.
(2) Il-provvista, minn entità kontraenti li mhijiex awtorità kontraenti, ta’ gass jew tisħin lil netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku, ma għandhiex titqies bħala attività rilevanti fit-tifsira tas-subregolament (1) fejn:
   (a) il-produzzjoni ta’ gass jew tisħin minn dik entità konċernata hija l-konsegwenza inevitabbli li tirriżulta mit-twettiq ta’ attività, minbarra dawk imsemmija fis-subregolament (1) ta’ dan ir-regolament jew fir-regolamenti 8 sa 10;
   (b) il-provvista lin-netwerk pubbliku għandha l-għan biss li tisfrutta ekonomikament din il-produzzjoni u tammonta għal mhux aktar minn għoxrin fil-mija tad-dħul tal-entità abbażi tal-medja fuq it-tliet snin preċedenti, inkluża s-sena kurrenti.
