# L.S. 601.05, regolament 65. Avviżi dwar l-għoti tal-kuntratt

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/65 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/65
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt
- Amended by: A.L. 26 tal-2018

(1) Mhux aktar tard minn 30 jum wara l-konklużjoni ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas wara d-deċiżjoni dwar l-għoti jew il-konklużjoni tiegħu, l-entitajiet kontraenti għandhom jibagħtu avviż dwar kuntratt bir-riżultati tal-proċedura tal-akkwist.
(2) Dan l-avviż għandu jkun fih l-informazzjoni stabbilita fl-fl-Iskeda 12 u għandu jiġi ppubblikat f’konformità mar-regolament 66.
(3) Fil-każ ta’ ftehim qafas konklużi f’konformità mar-regolamenti 143 sa 146, l-entitajiet kontraenti ma għandhomx ikunu marbutin li jibagħtu avviż bir-riżultati tal-proċedura tal-akkwist għal kull kuntratt ibbażat fuq dak il-ftehim. Iżda entitajiet kontraenti għandhom jiġbru l-avviżi tar-riżultati tal-proċedura tal-akkwist għal kuntratti bbażati fuq il-ftehim qafas fuq bażi trimestrali. F’dak il-każ, l-entitajiet kontraenti għandhom jibagħtu l-avviżi raggruppati fi żmien tletin jum minn tmiem kull trimestru.
(4) L-entitajiet kontraenti għandhom jibagħtu avviż dwar għoti ta’ kuntratt fi żmien tletin jum mill-għoti ta’ kull kuntratt fuq il-bażi ta’ sistema dinamika ta’ xiri. Madankollu huma jistgħu jiġbru dawn l-avviżi fi gruppi fuq bażi trimestrali. F’dak il-każ, għandhom jibagħtu l-avviżi raggruppati fi żmien tletin jum minn tmiem kull trimestru.
(5) L-informazzjoni pprovduta skont l-Iskeda 19 u intenzjonata għall-pubblikazzjoni għandha tiġi ppubblikata skont l-Iskeda 10. Ċerta informazzjoni dwar l-għoti tal-kuntratt jew il-konklużjoni tal-ftehim qafas tista’ ma titħallhiex tiġi ppubblikata fejn il-pubblikazzjoni tkun ta’ xkiel għall-infurzar tal-liġi jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku jew tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku partikolari, pubbliku jew privat, jew fejn din tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni leali bejn l-operaturi ekonomiċi.
(6) Fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi ta’ riċerka u żvilupp ("servizzi R&Ż"), l-informazzjoni li tikkonċerna n-natura u l-kwantità tas-servizzi tista’ rispettivament tkun limitata għal:
   (a) l-indikazzjoni "servizzi R&Ż" fejn il-kuntratt ingħata permezz ta’ proċedura negozjata mingħajr sejħa għal kompetizzjoni f’konformità mar-regolamenti 125(b), 126(b) u 127(b);
   (b) l-informazzjoni li tal-inqas hija dettaljata hekk kif kien indikat fl-avviż li ntuża bħala mezz għal sejħa għal kompetizzjoni.
(7) L-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Iskeda 12 u mmarkata bħala mhux maħsuba għall-pubblikazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’forma simplifikata biss u f’konformità mal-Iskeda 10 għal skopijiet statistiċi.
(8) Fejn is-sejħa għal kompetizzjoni għall-kuntratt ikkonċernat tkun saret fil-forma ta’ avviż perjodiku indikattiv u l-entità kontraenti tkun iddeċidiet li mhijiex ser tagħti kuntratti ulterjuri matul il-perjodu kopert mill-avviż perjodiku indikattiv, l-avviż dwar l-għoti ta’ kuntratt għandu jkun fih indikazzjoni għal dak l-effett.
