# L.S. 601.05, regolament 63. Avviżi perjodiċi indikattivi

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/63 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/63
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt
- Amended by: A.L. 26 tal-2018

(1) L-entitajiet kontraenti jistgħu jħabbru l-intenzjonijiet tagħhom ta’ akkwisti ppjanati permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż perjodiku indikattiv. Dawk l-avviżi għandu jkun fihom l-informazzjoni stabbilita fl-Iskeda 8, Taqsima A, Sezzjoni I. Għandhom jiġu ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew mill-entitajiet kontraenti fuq il-profili ta’ xerrej tagħhom f’konformità mar-regolament 2(b) tal-Iskeda 10. Fejn l-avviż perjodiku indikattiv jiġi ppubblikat mill-entitajiet kontraenti fuq il-profil tax-xerrej tagħhom, huma għandhom jibagħtu avviż tal-pubblikazzjoni tal-avviż perjodiku indikattiv fuq profil ta’ xerrej lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-regolament 3 tal-Iskeda 10. Dawk l-avviżi għandu jkun fihom l-informazzjoni stipulata fl-Iskeda 8, Taqsima B.
(2) Meta sejħa għal kompetizzjoni ssir permezz ta’ avviż perjodiku indikattiv fir-rigward ta’ proċeduri ristretti u proċeduri nnegozjati b’sejħa għal kompetizzjoni minn qabel, l-avviż għandu jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
   (a) għandu jirreferi b’mod speċifiku għall-provvisti, ix-xogħlijiet jew is-servizzi li ser ikunu s-suġġett tal-kuntratt li għandu jingħata
   (b) għandu jindika li l-kuntratt ser jingħata permezz ta’ proċedura ristretta jew innegozjata mingħajr pubblikazzjoni ulterjuri ta’ sejħa għal kompetizzjoni u għandu jistieden lill-operaturi ekonomiċi interessati sabiex jesprimu l-interess tagħhom;
   (ċ) għandu jkun fih, minbarra l-informazzjoni stabbilita fis-sezzjoni I tat-Taqsima A tal-Iskeda 8, l-informazzjoni stabbilita fis-sezzjoni II tat-Taqsima A tal-Iskeda 8;
   (d) għandu jkun intbagħat għall-pubblikazzjoni mhux aktar minn ħamsa u tletin jum u tnax-il xahar qabel id-data li fiha ntbagħtet l-istedina għall-konferma tal-interess.
(3) Dawn l-avviżi ma għandhomx jiġu ppubblikati fuq profil ta’ xerrej; madankollu, il-pubblikazzjoni addizzjonali fil-livell nazzjonali skont ir-regolament 67, jekk ikun hemm, tista’ ssir fuq profil ta’ xerrej.
(4) Il-perjodu kopert mill-avviż perjodiku indikattiv għandu bħala massimu jkun ta’ tnax-il xahar mid-data li fiha l-avviż ikun intbagħat għall-pubblikazzjoni; madankollu, fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra, l-avviż perjodiku indikattiv imsemmi fir-regolament 135(1)(a)(ii) jista’ jkopri perjodu li jkun itwal minn tnax-il xahar.
