# L.S. 601.05, regolament 62. Kunfidenzjalità

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/62 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/62
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Bla ħsara għall-obbligi stabbiliti taħt dawn ir-regolamenti jew xi liġi oħra li tobbliga lid-Direttur jew l-entità kontraenti sabiex jiżvelew informazzjoni, l-entità kontraenti u, jew id-Direttur ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni li tkun mgħoddija lilhom minn operaturi ekonomiċi li huma ikunu indikaw bħala kunfidenzjali, inklużi, iżda mhux limitati għal, sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti.
(2) Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti, l-informazzjoni li ġejja ma għandhiex tiġi kunsidrata bħala kunfidenzjali:
   (a) l-isem tal-offerenti u l-ismijiet individwali tal-membri ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi li jkunu ssottomettew offerta partikolari;
   (b) l-isem tas-subkuntratturi;
   (ċ) id-dokumentazzjoni sottomessa minn operaturi ekonomiċi li tiċċertifika li dawn jikkonformaw mal-kriterji tal-għażla;
   (d) informazzjoni teknika li diġà tkun pubblika.
(3) L-entitajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti fuq l-operaturi ekonomiċi bil-għan li tiġi mħarsa n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li l-entitajiet kontraenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni matul il-proċedura tal-akkwist, inkluża l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni b’rabta mal-operazzjoni ta’ sistema ta’ kwalifiki, kemm jekk din kienet soġġetta għal notifika jew le dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifiki użata bħala mezz sabiex issejjaħ għal kompetizzjoni.
