# L.S. 601.05, regolament 55. Kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt tal-kuntratti ta’ servizz

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/55 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/55
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) F’dak li jirrigwarda kuntratti ta’ servizz, il-bażi sabiex jiġi kkalkolat il-valur stmat tal-kuntratt għandu jkun kif ġej:
   (a) servizzi ta’ assigurazzjoni: il-primjum pagabbli, u forom oħra ta’ rimunerazzjoni;
   (b) servizzi bankarji u finanzjarji oħra: il-miżati, il-kummissjonijiet dovuti, l-imgħax u forom oħra ta’ rimunerazzjoni;
   (ċ) kuntratti ta’ disinn: il-miżati, il-kummissjonijiet pagabbli u forom oħra ta’ rimunerazzjoni.
(2) F’dak li jirrigwarda kuntratti ta’ servizz li ma jindikawx prezz totali, il-valur li jrid jintuża bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandu jkun kif ġej:
   (a) fil-każ ta’ kuntratti fuq terminu fiss, jekk dak it-terminu huwa inqas minn jew ugwali għal tmienja u erbgħin xahar: il-valur totali għat-terminu sħiħ tagħhom;
   (b) fil-każ ta’ kuntratti mingħajr terminu fiss jew b’terminu itwal minn tmienja u erbgħin xahar: il-valur ta’ kull xahar immultiplikat bi 48.
