# L.S. 601.05, regolament 45. Akkwist imħallat li jkopri l-istess attività u li jinvolvi aspetti ta’ difiża jew sigurtà

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/45 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/45
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Fil-każ ta’ kuntratti mħallta li jkopru l-istess attività li għandhom bħala s-suġġett tagħhom akkwist kopert minn dawn ir-regolamenti u akkwist jew elementi oħra koperti mill-Artikolu 346 tat-TFUE jew bir-regolamenti li jirregolaw ir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, għandu japplika dan ir-regolament.
(2) Fejn partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari huma oġġettivament separabbli, l-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għal partijiet separati jew jagħtu kuntratt uniku.
(3) Fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratti separati lil partijiet separati, id-deċiżjoni dwar liema sistema legali għandha tapplika għal kwalunkwe wieħed minn dawn il-kuntratti separati, għandha tittieħed fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-parti separata kkonċernata.
(4) Fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt uniku, il-kriterji li ġejjin għandhom japplikaw biex jiddeterminaw ir-reġim legali applikabbli:
   (a) fejn parti minn kuntratt partikolari hija koperta mill-Artikolu 346 tat-TFUE, il-kuntratt jista’ jingħata mingħajr ma jiġu applikati dawn ir-regolamenti, dment li l-għoti ta’ kuntratt uniku huwa ġustifikat b’raġunijiet oġġettivi;
   (b) fejn parti minn kuntratt partikolari hija koperta mir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, il-kuntratt jista’ jingħata f’konformità ma’ dawk ir-regolamenti, dment li l-għoti ta’ kuntratt uniku jkun ġustifikat b’raġunijiet oġġettivi: Iżda l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għal-limiti massimi u l-esklużjonijiet previsti mir-regolamenti hawn fuq identifikati.
(5) Id-deċiżjoni li jingħata kuntratt waħdieni ma għandiex, madankollu, tittieħed bl-għan li l-kuntratti jiġu esklużi mill-applikazzjoni jew dawn ir-regolamenti jew ir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà.
(6) Id-dispożizzjonijiet tas-subregolament (4)(a) għandhom japplikaw għal kuntratti mħallta li għalihom kieku japplikaw kemm il-paragrafi (a) u (b) tas-subregolament (4).
(7) Fejn il-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari mhumiex separabbli oġġettivament, il-kuntratt jista’ jingħata mingħajr l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti meta l-kuntratt jinkludi elementi li għalihom japplika l-Artikolu 346 tat-TFUE; fejn dan mhux il-każ jista’ jingħata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà.
