# L.S. 601.05, regolament 44. Akkwist li jkopri diversi attivitajiet

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/44 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/44
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Fil-każ ta’ kuntratti maħsubin biex ikopru diversi attivitajiet, l-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għall-finijiet ta’ kull attività separata jew li jagħtu kuntratt waħdieni.
(2) Fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratti separati, id-deċiżjoni dwar liema regoli għandhom japplikaw għal kwalunkwe wieħed minn dawn il-kuntratti separati, għandha tittieħed fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-attività separata kkonċernata.
(3) L-għażla bejn l-għoti ta’ kuntratt waħdieni jew l-għoti ta’ għadd ta’ kuntratti separati ma għandhiex, madanakollu, tittieħed bil-għan li jiġi eskluż il-kuntratt jew kuntratti mill-kamp ta’ applikazzjoni jew ta’ dawn ir-regolamenti jew, fejn applikabbli ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, jew ir-Regolamenti dwar il-Kuntratti ta’ Konċessjoni.
(4) Kuntratt li huwa maħsub li jkorpi numru ta’ attivitajiet għandu jkun soġġett għar-regoli applikabbli għall-attività li għaliha dan kien maħsub prinċipalment.
(5) Fil-każ ta’ kuntratti li għalihom ikun oġġettivament impossibbli li jiġi ddeterminat għal liema attività huwa jkun maħsub prinċipalment, ir-regoli applikabbli għandhom jiġu ddeterminati kif ġej:
   (a) il-kuntratt għandu jingħata f’konformità mar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, jekk waħda mill-attivitajiet li għaliha hu maħsub il-kuntratt tkun soġġetta għal dawn ir-regolamenti u l-oħra għar-Regolamenti dwar il-Kuntratti ta’ Konċessjoni;
   (b) il-kuntratt għandu jingħata f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti, jekk waħda mill-attivitajiet li għaliha huwa maħsub il-kuntratt hija soġġetta għal dawn ir-regolamenti u l-oħra Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, għal għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni;
   (ċ) il-kuntratt għandu jingħata f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti, jekk waħda mill-attivitajiet li għaliha huwa maħsub il-kuntratt hija soġġetta għal dawn ir-regolamenti u l-oħra mhijiex soġġetta għal dawn ir-regolamenti, ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, jew ir-Regolamenti dwar il-Kuntratti ta’ Konċessjoni;
   (d) minkejja d-dispożizzjonijet tar-regolament 43, fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt waħdieni, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan is-subregolament;
   (e) fejn waħda mill-attivitajiet konċernati koperti bl-Artikolu 346 tat-TFUE jew bir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà, għandu japplika r-regolament 46.
