# L.S. 601.05, regolament 43. Akkwist imħallat li jkopri l-istess attività

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/43 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/43
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Il-kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom żewġ tipi jew aktar ta’ akkwist, kemm xogħlijiet, servizzi jew provvisti, li kollha huma koperti minn dawn ir-regolamenti, għandhom jingħataw f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tip ta’ akkwist li jikkaratterizza s-suġġett ewlieni tal-kuntratt inkwistjoni.
(2) Fil-każ ta’ kuntratti mħallta li bħala suġġett għandhom tipi differenti tal-akkwist, li kollha huma koperti minn dawn ir-regolamenti, jikkonsistu parzjalment f’servizzi fis-sens tar-regolamenti 134 sa 139 u parzjalment f’servizzi oħra jew f’kuntratti mħallta li jikkonsistu parzjalment f’servizzi u parzjalment fi provvisti, is-suġġett prinċipali għandu jkun determinat skont liema mill-valuri stmati tas-servizzi jew il-provvisti rispettivi jkun l-ogħla.
(3) Fil-każijiet ta’ kuntratti mħallta li bħala suġġett għandhom l-akkwist kopert minn dawn ir-regolamenti u l-akkwist kopert minn reġimi legali oħra u fejn il-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari jkunu oġġettivament separabbli, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:
   (a) awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għall-partijiet separati jew jagħtu kuntratt uniku. Fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratti separati lil partijiet separati, id-deċiżjoni dwar liema reġim legali għandu japplika għal kwalunkwe wieħed minn dawn il-kuntratti separati, għandha tittieħed fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-parti separata kkonċernata;
   (b) fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt uniku, dawn ir-regolamenti għandhom, dment li mhuwiex previst mod ieħor fir-regolament 23, tapplika għall-kuntratt imħallat li jirriżulta, irrispettivament mill-valur tal-partijiet li kieku jaqgħu taħt reġim legali differenti u irrispettivament mil-liema reġim legali li dawn il-partijiet kienu jkunu soġġetti għalihom mod ieħor;
   (ċ) fil-każ ta’ kuntratti mħallta li jkun fihom elementi ta’ kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizzi u ta’ konċessjonijiet, il-kuntratt imħallat għandu jingħata f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti, dment li l-valur stmat tal-parti tal-kuntratt li tikkostitwixxi kuntratt kopert dawn ir-regolamenti, ikkalkulat skont ir-regolamenti 42 sa 55, huwa daqs jew akbar mil-limitu massimu rilevanti stabbilit fl-Iskeda 5.
(4) Meta l-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari huma oġġettivament mhux separabbli, ir-reġim legali applikabbli għandu jkun iddeterminat abbażi tas-suġġett ewlieni ta’ dak il-kuntratt.
