# L.S. 601.05, regolament 31. Kuntratti mogħtija lil impriżi affiljati

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/31 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/31
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Minkejja d-dispożizzzjonijet tar-regolament 29, u sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet fis-subregolament (2) ta’ dan ir-regolament, dawn ir-regolamenti ma għandhomx japplikaw għal kuntratti mogħtija:
   (a) minn entità kontraenti lil impriża assoċjata;
   (b) minn impriża konġunta, esklużivament ifformata minn għadd ta’ entitajiet kontraenti bl-iskop li jwettqu attivitajiet deskritti fir-regolamenti 7 sa 13, lil impriża li hija affiljata ma’ waħda minn dawk l-entitajiet kontraenti.
(2) Id-dispożizzjonijiet tas-subregolament (1) għandhom japplikaw għal:
   (a) kuntratti ta’ servizzi dment li tal-inqas tmenin fil-mija tal-fatturat totali medju tal-impriża affiljata fuq it-tliet snin preċedenti, b’kont meħud tas-servizzi kollha pprovduti minn dik l-impriża, jkun ġej mill-forniment ta’ servizzi lill-entità kontraenti jew impriżi oħra li hija affiljata magħhom;
   (b) kuntratti ta’ provvista dment li tal-inqas tmenin fil-mija tal-fatturat totali medju tal-impriża affiljata, b’kont meħud tal-provvisti kollha pprovduti minn dik l-impriża, fit-tliet snin preċedenti jkun ġej mill-forniment ta’ provvisti lill-entità kontraenti jew impriżi oħra li hija affiljata magħhom;
   (ċ) għal kuntratti ta’ xogħol dment li tal-inqas tmenin fil-mija tal-fatturat totali medju tal-impriża affiljata, b’kont meħud tax-xogħlijiet kollha pprovduti minn dik l-impriża, fit-tliet snin preċedenti jkun ġej mill-forniment ta’ xogħlijiet lill-entità kontraenti jew impriżi oħra li hija affiljata magħhom.
(3) Meta, minħabba d-data li fiha nħolqot l-impriża affiljata jew meta bdew l-attivitajiet, il-fatturat mhuwiex disponibbli għat-tliet snin ta’ qabel, ikun biżżejjed li dik l-impriża turi li l-fatturat imsemmi fis-subregolament (2)(a), (b) jew (ċ) ikun kredibbli, b’mod partikolari permezz ta’ projezzjonijiet tan-negozju.
(4) Fejn aktar minn impriża waħda affiljati mal-entità kontraenti, li magħha jifformaw grupp ekonomiku, jipprovdu l-istess servizzi, provvisti jew xogħlijiet, jew simili, il-perċentwali għandu jiġi kkalkolat billi jitqies il-fatturat totali li jkun ġej mill-forniment tas-servizzi, tal-provvisti jew tax-xogħlijiet rispettivament minn dawk l-impriżi affiljati.
(5) Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, "impriża assoċjata" tfisser kwalunkwe impriża li l-kontijiet annwali tagħha huma konsolidati ma’ dawk tal-entità kontraenti f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2013/34/UE.
(6) Fil-każ ta’ entitajiet, li mhumiex soġġetti għad-Direttiva 2013/34/UE, "impriża affiljata" għandha tfisser kwalunkwe impriża li:
   (a) tista’ tkun, direttament jew indirettament, soġġetta għal influwenza dominanti mill-entità kontraenti;
   (b) tista’ teżerċita influwenza dominanti fuq l-entità kontraenti;
   (ċ) bħall-entità kontraenti, hija soġġetta għall-influwenza dominanti ta’ impriża oħra permezz ta’ sjieda, parteċipazzjoni finanzjarja jew ir-regoli li jirregolawha.
(7) Għall-finijiet tas-subregolament (6), il-frażi "influwenza dominanti" għandu jkollha l-istess tifsira bħal fir-regolament 2(3).
