# L.S. 601.05, regolament 29. Kuntratti bejn awtoritajiet kontraenti

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/29 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/29
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Bla ħsara għad-dispożizzjonijet tat-Taqsima III, kuntratt pubbliku, li jkollu valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 30(1)(b), mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika regolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
   (a) l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;
   (b) aktar minn tmenin fil-mija tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti;
   (ċ) mhemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkollhomx dritt ta’ kontroll jew ta’ mblokkar, rikjesti minn dispożizzjonijet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċiżiva fuq il-persuna ġuridika kkontrollata.
(2) Awtorità kontraenti għandha titqies li teżerċita kontroll fuq persuna ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont it-tifsira subregolament (1)(a) meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata. Dan il-kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti.
(3) Id-dispożizzjonijiet tas-subregolamenti (1) u (2) japplika wkoll fejn persuna kkontrollata, li hija awtorità kontraenti, tagħti kuntratt lill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha, jew lil xi persuna ġuridika kkontrollata mill-istess awtorità kontraenti, sakemm ma jkun hemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika li tingħata l-kuntratt pubbliku bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkollhomx dritt ta’ kontroll jew ta’ mblokkar rikjesti mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika.
(4) Awtorità kontraenti, li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika rregolata minn dritt privat jew pubbliku, fis-sens of subregolamenti (1) u (2), tista’ madankollu tagħti kuntratt għal dik il-persuna ġuridika mingħajr ma japplikaw dawn ir-regolamenti, fejn huma sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
   (a) l-awtorità kontraenti teżerċita b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħrajn kontroll fuq dik il-persuna ġuridika li huwa simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.;
   (b) aktar minn tmenin fil-mija tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika jitwettqu fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u
   (ċ) mhemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkollhomx dritt ta’ kontroll jew ta’ mblokkar, rikjesti minn dispożizzjonijet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċiżiva fuq il-persuna ġuridika kkontrollata.
(5) Għall-finijiet tas-subregolament (4)(a), awtoritajiet kontraenti għandhom jitqiesu li jeżerċitaw kontroll konġunt fuq persuna ġuridika meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin
   (a) il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmula minn rappreżentanti ta’ kull awtorità kontraenti parteċipanti. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha, jew ħafna minnhom;
   (b) dawk l-awtoritajiet kontraenti huma kapaċi jeżerċitaw flimkien influwenza deċiżiva fuq l-objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata; u
   (ċ) il-persuna ġuridika kkontrollata ma ssegwi l-ebda interess li jmur kontra dak tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll.
(6) Kuntratt konkluż esklużivament bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
   (a) il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti bl-għan li jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi li huma għandhom iwettqu jkunu pprovduti bil-ħsieb li jiksbu l-għanijiet li għandhom komuni;
   (b) l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hija rregolata biss minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku; u
   (ċ) l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn għoxrin fil-mija tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.
(7) Għall-finijiet li jiġi ddeterminatil-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmija fis-subregolament (1)(b), is-subregolament 4(b) u s-subregolament (6)(ċ), għandu jittieħed kont tal-fatturat totali medju, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet mġarrba minn persuna ġuridika rilevanti fir-rigward ta’ servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin li jippreċedu l-għoti tal-kuntratt.
(8) Meta, minħabba d-data li fiha nħolqot dik il-persuna ġuridika jew ta’ meta bdew l-attivitajiet jew minħabba riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, il-fatturat, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva bħall-ispejjeż, mhijiex disponibbli għat-tliet snin preċedenti jew ma għadhiex rilevanti, għandu jkun biżżejjed li jintwera li d-daqs tal-attività huwa kredibbli, b’mod partikolari permezz ta’ projezzjonijiet tan-negozju.
